Il-Partit Demokratiku saħaq li wara li kien kiteb lill-Kummissjoni Elettorali biex ikollu l-kulur oranġjo fuq il-karta tal-votazzjoni għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, it-talba tiegħu ġiet aċċettata.
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku saħaq li kien il-Partit Laburista li oġġezzjona għax saħaq li dan il-kulur jista’ jitfixkel mal-aħmar tiegħu.
“Il-PD ilu magħruf bħala “Tal-Oranġjo” sa mit-twaqqif tiegħu. L-oranġjo kien registrat bħala l-kulur uffiċjali tal-Partit u llum jifforma parti mill-identità tiegħu,” saħaq id-Deputat Kap Timothy Alden. “Huma ħafna li jafu lill-Partit bħala l-partit tal-oranġjo, aktar milli bħala l-Partit Demokratiku.”
Kompla jisħaq li l-kulur oranġjo huwa addottat saħansitra mis-sit tal-Parlament, fir-rappreżentanza tal-membri parlamentari tal-PD, kif ukoll fi ħwejjeġ oħra.
Minkejja dan, kompla jispjega Alden, il-Partit Laburista baqa’ joġġezzjona, anki wara li, fi spirtu ta’ kompromess, Il-PD aċċetta tip ta’ kulur oranġjo li m’huwiex dak tiegħu.
“Dan il-kulur huwa ‘l bogħod mill-aħmar u wieħed ma jistax ifixkel kulur ma’ ieħor. Wieħed irid jgħid ukoll, li minn barra l-kuluri, hemm ħwejjeġ oħra fuq il-karta tal-votazzjoni li bihom wieħed jagħraf partit minn ieħor,” kompla Alden.
Temm jiħaq li f’dan il-każ rebħet ir-raġuni.
“Fi klima ta’ tribaliżmu politiku, il-Partit Demokratiku jibqa’ jaħdem biex joffri raġġ ta’ tama lill-poplu Malti. Pajjiżna f’qalbna!” temmet tgħid l-istqarrija.