Analiżi | Mill-Pietà sal-Ħamrun, fid-Dar Ċentrali u ċ-ĊNL. Iż-żewġ diskorsi tal-mexxejja
L-ILLUM tanalizza ż-żewġ diskorsi li saru minn Adrian Delia fil-Kunsill Ġenerali u Joseph Muscat fil-ftuħ tal-kampanja Laburista
minn Albert Gauci Cunningham
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista komplew, jew bdew, il-kampanja b’Kunsilli Ġenerali rispettivi b’diskorsi li jkunu magħmulin biex jimmarkaw il-lingwaġġ tal-kampanja, biex iqajmu l-ħeġġa għall-kampanja u biex jissolidifikaw lill-aktar bażi akkanita tal-partit, il-qalb tal-partit fl-ogħla organu.
F’din l-analiżi se nagħtu ħarsa lejn iż-żewġ diskorsi taż-żewġ mexxejja politiċi ta’ nhar il-Ħadd li għadda. Adrian Delia minn naħa u Muscat fuq l-oħra.
Adrian Delia: waħda mill-aqwa prestazzjonijet tiegħu, imma biżżejjed?
Id-diskors ta' Delia waqt il-Kunsill Ġenerali li għadda kien probabbilment l-aqwa jew wieħed mill-aqwa diskorsi ta’ Delia, għalkemm naturalment l-effett tiegħu jiddependi fuq diversi fatturi.
L-ewwel nett se jiddependi fuq il-prestazzjoni ta’ Delia nhar il-Ħamis fuq Xtra (din l-analiżi nkitbet qabel) u allura kif se tkun l-ewwel dehra bejn Delia u Muscat.
Imma ejja nibdew inħarsu lejn id-diskors. Delia għal darba, darbtejn, tlieta rrefera għal dawk is-suċċessi ta’ gvernijiet Nazzjonalisti li jibqgħu jissemmew. Fil-fatt wara t-telfa tal-aħħar elezzjoni ġenerali kienu bosta n-Nazzjonalisti li kienu qed jgħidu illi l-PN ma daqqx it-trombi biżżejjed dwar dak li għamel meta kien fil-Gvern u li kien donnu qed jiddistakka lilu nnifsu minn dawk il-Gvernijiet tal-PN, speċjalment dawk ta’ bejn l-2005 u l-2013.
Delia semma diversi oqsma, fosthom is-settur finanzjarju, il-gameing u aktar.
Dan it-tip ta’ diskors huwa magħmul biex kemm jista’ jkun jiġi attirat lura dak il-vot tradizzjonali Nazzjonalista li forsi bħalissa huwa diżilluż bil-kbir. L-istess id-dokumentarju dwar id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea nhar it-Tlieta filgħaxija bil-parteċipazzjoni tal-eks Kapijiet Lawrence Gonzi u Simon Bususttil, Martin Bugelli (eks DOI), l-eks Segretarju Ġenerali Joe Saliba u l-bniedem li mexxa n-negozjati biex Malta tidħol fl-UE Richard Cachia Caruana.
Bla dubju din is-sena, dan id-dokumentarju kien immirat aktar biex jippompja l-enerġija u jqajjem in-nostalġija għal żminijiet il-glorja tal-Partit Nazzjonalista.
Delia jeħtieġ joqgħod attent li ma jkunx hemm wisq nostalġija għall-perjodu 1987-2004, għax dan jista’ jibda jissottolinea aktar l-istat illi fih jinsab il-PN illum.
‘Mhix elezzjoni bejn il-partiti’
Forsi l-aktar stqarrija importanti, tant li s-sit illum.com.mt beda r-rapport biha, saret fil-bidu tad-diskors. Delia sostna illi dik tal-25 ta’ Mejju ‘mhix elezzjoni bejn il-partiti’, stqarrija ċara illi turi li Delia u l-PN se jkun qed jagħmel minn kollox biex din l-elezzjoni ma tkunx test politiku bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista. U għalfejn? Għaliex il-Partit Nazzjonalista għadu lura f’termini ta’ numri fis-sondaġġi li qed isiru b’mod frekwenti. Iktar minn hekk Joseph Muscat jibqa’ bil-wisq aktar popolari minn Adrian Delia li għadu qed jiffaċċja problemi kbar fost parti sostanzjali tal-għeruq Nazzjonalisti.
Dan ifisser illi b’tellieqa strettament PN vs PL jew Muscat vs Delia, il-PN għandu aktar ċans jitlef. Jekk il-PN jirnexxilu iktar jiffoka fuq il-kandidatura tiegħu jkollu aktar ċans illi joħroġ lil dawk il-votanti Nazzjonalisti li ma jridux jivvutaw lilu iżda li huma lesti jivvutaw lill-MEPs bħal Roberta Metsola u David Casa.
Sfortunatament għal Delia se jkun kważi impossibbli li jirbaħ il-qawwa tal-midja Laburista u tal-Gvern, li se tagħmel minn kollox biex dik tal-25 ta’ Mejju tinbidel f’battalja bejn il-partiti.
Delia iżda ma jaqbillux anqas li tkun ‘elezzjoni bejn il-partiti’ għax f’każ ta’ telfa kbira jkun il-partit li jrid iġorr ir-responsabbilità, jiġifieri hu, għax hu jmexxih.
Min-naħa l-oħra jekk jitfagħha fuq il-kandidati jista’ malajr jgħid illi l-poplu ma riedx lill-kandidati tal-PN u allura huma l-problema mhux hu u t-tmexxija.
L-abort: erġajna!
Kwistjoni li ilha titqajjem u terġa’ titqajjem u tibqa’ titqajjem kull darba li jkun hemm xi tip ta’ elezzjoni.
Jista’ jkun illi l-parti mill-elettorat iħoss illi bl-assigurazzjonijiet tiegħu l-PN qed jattirahom lejh. Min-naħa l-oħra iżda l-Partit Laburista għal darba, darbtejn u anke ħames darbiet assigura wkoll li hu kien u se jibqa’ kontra l-abort.
Minkejja illi dan jibqa’ suġġett mill-aktar sensittiv, huwa improbabbli li se jwassal għal bidla kbira fl-intenzjonijiet tal-vot, speċjalment minħabba li l-ebda wieħed mill-partiti l-kbar mhu qed jipproponi li jdaħħal l-abort jew inkella li jiftaħ konsultazzjoni dwaru.
Allura wieħed jistaqsi x’effett reali qed ikollu dan is-suġġett fuq iċ-ċansijiet tal-PN u jekk hux qed jidher wisq bħal donnu qed jiġġieled mal-imtieħen tar-riħ meta jagħmel dan, peress li m’hemm ebda ‘theddida’ li jiddaħħal l-abort.
L-għajta soċjali dwar il-vulnerabbli, b’saħħa
Delia kien b’saħħtu meta tkellem dwar il-faqar u allaċċja s-surplus ma’ dawk li jmorru jiddejnu mingħand tal-ħanut jew l-ispiżjar, ma’ dawk li qed jaqilgħu paga li mhux diċenti u oħrajn.
L-argument illi taqbad is-surplus u tqabblu ma ċerti pagi u kundizzjonijiet jaħdem sew għax Gvern qatt ma jista’ jlaħħaq mal-aspettattiva ta’ suprlus, meta dejjem se jkollu nies li mhux qed ilaħħqu mal-ħajja.
Minkejja li l-għajta favur il-vulnerabbli tibqa’ punt b’saħħtu għal Delia, il-Partit Nazzjonalista għandu problema serja. Il-Gvern qed jilqa’ għar-realtà soċjali ta’ differenzi fil-pagi u pagi li mhux tajbin b’affarijiet bħaċ-ċekkijiet u żidiet fil-pensjoni, child care b’xejn u roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Wieħed jista’ faċilment jargumenta li dawn mhumiex biżżejjed, jew saħansitra insult (Delia nhar Jum il-Ħaddiem). Veru jew le, xorta jibqa’ l-fatt li l-Gvern preżenti qed jipproġetta lilu nnifsu bħala entità li tagħti, kuntrarjament għall-Gvern preċedenti li jipproġettah bħala entità li kienet tieħu.
L-ikbar saħħa għal Delia u l-akbar dgħufija għal-Labour fil-qasam soċjali fil-fatt huwa l-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u dak affordabbli u dan għaliex minkejja diversi wegħdi s’issa, fejn beda, ix-xogħol għadu lura.
Diskors mexxej b’għeluq tajjeb ħafna
Kieku kellna naqbdu wieħed mill-ewwel diskorsi ta’ Delia u nqabbluh ma’ dak ta’ nhar il-Ħadd li għadda żgur illi wieħed irid jinnota illi sar titjib qawwi fil-mod kif wassal id-diskors u allura l-mod kif jitwassal il-messaġġ.
Dak ta’ nhar il-Ħadd, kuntrarjament għal diversi oħrajn qabel, kien ċar, bi ħsieb ċar, bi ftit li xejn żbalji u b’ton li jitla’ u jinżel kif suppost ikun diskors politiku effettiv.
Kien jidher ċar illi Delia investa l-emozzjoni fid-diskors tiegħu biex għall-ewwel darba kellu diskors li jista’ jitqabbel sew ma’ ta’ Muscat.
Kien f’waqtu u effettiv li darbtejn fid-diskors il-kameras ta’ Net TV iffukaw fuq l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil iqum u jċapċap. Huwa importanti li Busuttil jidher illi jappoġġja lil Delia, għaliex minkejja li huwa mibgħud fost ħafna Laburisti jibqa’ persuna influwenti ħafna u appoġġjat ħafna fost sezzjoni kbira ta’ Nazzjonalisti.
Fuq il-mod kif wassal id-diskors tiegħu Delia ħaqqu punti għolja.
Proposti: min semgħu l-Ħadd biss baqa’ ma jafx x’inhuma l-proposti
Delia semma wkoll il-proposti li saru mill-Partit Nazzjonalista f’xi oqsma. Iżda kif jiġri ħafna drabi, dawn ingħataw ftit wisq ħin mid-diskors u min forsi ma kienx jaf x’inhuma, baqa’ ma jafx.
Minkejja li qal illi l-PN huwa ‘propożittiv’ se jkollu jagħmel bil-wisq aktar biex jikkonvinċi li fil-fatt huwa hekk, speċjalment fil-qasam tal-barranin.
Dwar il-barranin, tema prattikament ċentrali fid-diskors tal-PN, il-proposti huma jew vagi jew inkella diġà kienu mwiegħda minn dan il-Gvern, fosthom li min qiegħed pajjiżna bla permess jintbagħat lura. Huwa tajjeb li naraw fil-fatt kemm hawn nies li mhux suppost qegħdin hawn u allura li suppost jintbagħtu lura pajjiżhom biex b’hekk din il-wegħda, jekk għadha ma twettqitx, tkun ikkwantifikata.
‘Għajn għal għajn...’
Delia ma setax ma jgħaddix botta dwar dak li qal Alfred Sant, ‘għajn għal għajn, sinna għal sinna’ għalkemm il-qari tagħha b’mod litterali (‘Issa l-Gvern irid jaqlagħlna sniena u għajnejna’) kienet xi ftit fjakka.
Il-bżonn li joffri t-tama
Bosta drabi waqt il-Kunsill Ġenerali, il-Kunsilliera ntalbu jqawwu qalbhom minn diversi kelliema, sakemm Delia stess fl-għeluq tiegħu appella bl-aktar mod ċar; “taqtgħux qalbkom”.
It-tama li l-PN għandu ċans, imqar jikseb riżultat diċenti billi jnaqqas xi ftit id-distakk, huwa messaġġ importanti ħafna, għax mingħajru ħafna Nazzjonalisti jibqgħu d-dar għax iħossu li m’hemmx raġuni valida biżżejjed biex jivvutaw.
Fl-assenza tal-ħeġġa, il-partit ma jistax imexxi kampanja u jkun diffiċli jekk mhux kważi impossibbli li jintrebħu l-akbar u l-aktar sfidi diffiċli.
Joseph Muscat: diskors qawwi li jmiss il-problemi tan-nies. Imma se jitwemmen?
Id-diskors ta’ Joseph Muscat kien wieħed qawwi ħafna. Imma forsi mingħand Muscat issa drajna diskorsi li jkunu b’saħħithom.
Naturalment id-differenza bejn id-diskors ta’ Delia u dak ta’ Muscat huwa li Muscat qed ikun iġġudikat fuq dak li qed iwettaq jew ma jwettaqx fil-Gvern. U allura n-nies qed jemmnuh jew le?
Jappella għall-għeruq Laburisti
Muscat għal bosta drabi uża espressjonijiet biex iqanqal ukoll l-orgolju fost dawk il-partitarji li jifformaw l-għeruq tal-partit. Muscat m’għandux kwart tal-problema li għandu Delia biex jattira lin-nies lejh, għalkemm xorta qed jiffaċċja xi ftit ta’ reżistenza jew indifferenza minn fost persentaġġ ta’ Laburisti, minn numru ta’ kaċċaturi, mingħand dawk li ma jridux barranin f’pajjiżna kif ukoll mill-vot Laburista li mhux daqstant akkanit.
L-użu ta’ espressjonijiet bħal ‘aħna partit tal-ħaddiema’, li fil-fatt Muscat kien ilu ma juża, juru li l-Mexxej Laburista jixtieq li jqajjem iktar ħeġġa fost il-Laburisti tradizzjonali li forsi jarawh bħala PM ta’ Gvern iktar kapitalist, però wkoll ix-xewqa illi jkun dejjem aktar jirrifletti l-imaġini kbira ħafna li kellu Dom Mintoff.
Fil-fatt, l-ewwel kliem ta’ Muscat kienu “Malta l-ewwel u qabel kollox”, l-aktar espressjoni marbuta ma’ Mintoff u l-aktar espressjoni marbuta man-nazzjonaliżmu u l-imħabba lejn pajjiżna.
Huwa rrefera għall-Partit Laburista bħala l-Moviment tal-ġustizzja soċjali, għal darb’oħra espressjoni biex tkun issolidifikata l-idea, li naqset xi ftit, illi l-PL huwa l-partit taż-żgħir.
Fl-isfond ta’ ‘Malta f’qalbna’
Il-logo li se jkun qed jintuża mill-Partit Laburista għandu sfond ċelesti b’qalb roża bil-kelma ‘Malta’ fuqha. Taħt il-qalb hemm miktub ‘f’qalbna’. Huwa ċar li Muscat qed jappella għas-sentiment nazzjonalistiku rifless fl-ewwel kliem tad-diskors ta’ nhar il-Ħadd, ‘Malta l-ewwel u qabel kollox.’
‘Malta f’qalbna’ hija espressjoni li fil-verità ma tistax ma taqbilx magħha u allura hija iktar tal-widna. Naturalment il-kuluri li ġew magħżula mhux se jinżlu tajjeb ma’ kulħadd, imma huma iktar moderni u probabbilment jinżlu aħjar maż-żgħażagħ.
Jidher illi l-appell għan-nazzjonaliżmu qed jintuża biex jibbilanċja l-għajjat ta’ kożmopolitaniżmu ta’ Malta li fiha taħtlita sħiħa ta’ nies minn kulturi u pajjiżi differenti.
Realizzazzjoni dwar l-ambjent u l-ispazji miftuħa
Bħal-lum ġimgħa, meta din il-gazzetta kienet qed tħares lejn l-ewwel sigħat tal-kampanja tal-PN, semmejna l-ambjent u l-fatt li għalkemm ma jrebbaħx u jtellef elezzjoni, xorta hawn kuxjenza li qiegħda dejjem tikber speċjalment minħabba li l-attività fil-kostruzzjoni qiegħda dejjem tiżdied.
Muscat ukoll induna b’dan, tant hu hekk li d-diskors ta’ nhar il-Ħadd kien wieħed mill-ftit diskorsi illi matulhom irriżerva parti kunsiderevoli fuq l-ambjent u l-ispazji miftuħa. Kien f’dan id-diskors fil-fatt illi Muscat ħabbar “l-akbar proġett ta’ spazju miftuħ għall-familji f’ġenerazzjoni.” Ma kienx b’kumbinazzjoni li Muscat ħabbar dan it-tip ta’ proġett. Jaf li l-garr u l-ilmenti qegħdin dejjem jiżdiedu kif ukoll li dan il-Gvern rabba wisq fama ta’ Gvern li mhux biss ma jinteressahx mill-ambjent imma li qed jippermetti l-qerda tiegħu.
U se jitwemmen? Muscat għandu favurih il-fatt illi f’ħafna setturi żamm il-kelma tiegħu. Allura hemm predispożizzjoni li l-votant jemmen lil Muscat, għalkemm jkun dejjem aħjar wieħed jistenna biex jibda jara l-frott qabel jemmen.
Elenku ta’ suċċessi...
Fil-bidu ta’ din il-parti ta’ din l-analiżi għidna illi Muscat, kuntrarjament għal Delia, qed ikun iġġudikat fuq dan li wettaq fil-Gvern. U għalhekk Muscat kien b’saħħtu meta fid-diskors għamel elenku sħiħ ta’ wħud mill-miżuri li wettaq: żieda fil-pensjonijiet, roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma (ħalliha hemm min qed jasallu bl-iżbalji), tnaqqis fit-taxxa, ċekkijiet, childcare b’xejn, qgħad baxx ħafna, trasport b’xejn għat-tfal tal-iskola, tal-linja b’xejn, vot lil żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena u drittijiet lill-persuni LGBTIQ.
Dawn il-miżuri, inkluż pereżempju li min għandu appartament illum qed jikrih bi qligħ tajjeb, u l-effett li għandhom fuq il-popolarità ta’ Muscat ma jistgħux ikunu sottovalutati.
Min qed jara qligħ mill-kirjiet jgħoddu għal ħafna, kif jgħoddu ħafna wkoll dawk il-persuni LGBTIQ, dawk li qed igawdu miċ-childcare u (għalkemm ma semmihiex) dawk li ħarġilhom permess. Dawn mhumiex erbgħa minn nies imma eluf.
It-tindif: mhux l-ewwel darba li semmieha
Il-ħmieġ fit-toroq hija problema f’dan il-pajjiż. Fejn hija problema żgħira ħafna li malajr tista’ tkun solvuta u fejn hi enormi (bħal San Pawl il-Baħar) jeħtieġ sforz organizzat u kontinwu.
Muscat mhux l-ewwel darba li tkellem dwar din il-problema. Din id-darba jidher li qed jagħmel iktar aċċenn għaliha jew għax din id-darba huwa iktar determinat dwarha jew inkella għax tant iggravat is-sitwazzjoni.
‘Pro-business konna u hekk se nibqgħu’
Ir-raġuni għalfejn il-Partit Laburista sar moviment b’saħħtu, li ilu jkaxkar l-elezzjonijiet b’maġġoranzi ta’ aktar minn 30,000 għal 10 snin, hija li sar umbrella illi taħtha hemm mill-fqir sas-sinjur, mis-soċjalist sal-kapitalist, mill-ħaddiem sal-impjegatur, mill-onest sal-korrott, minn Nofsinhar imma wkoll mit-Tramuntana. Prattikament il-Partit Laburista llum sar rappreżentant ta’ firxa sħiħa tas-soċjetà.
Meta Muscat jgħid li ‘pro-business konna u hekk se nibqgħu’, ikun qed jirrinforza l-perċezzjoni illi dan il-Gvern jinsab ferm viċin in-negozji l-kbar, il-kuntratturi u l-multi-miljunarji ta’ dan il-pajjiż. Fil-fatt Muscat jaf illi s-sigriet għar-rebħ se jibqa’ dejjem li dan il-partit jibqa’ jilqa’ fih tant nies u tant interessi.
Il-mument li jsir partit tal-ħaddiema biss jew isir partit tas-sinjur biss, ikun il-mument li l-moviment jibda realment jitkisser.
Rikonoxximent tal-iżbalji, karatteristika ta’ Muscat
Karatteristika popolari li n-nies, speċjalment il-voti l-ġodda li bdew resqin lejn il-PL wara l-2010, hija li Muscat dejjem jirrikonoxxi l-iżball. Anke jekk ma jagħmel xejn biex jikkoreġi dak l-iżball meta n-nies ma jkunux qed jagħtu kas, meta l-poplu jkun qed jagħti kas jirrikonoxxi l-iżball jew in-nuqqas dejjem.
Nhar il-Ħadd li għadda hu rrikonoxxa li fl-ambjent ma sarx biżżejjed, qal ukoll illi hawn persuni li mhux qed ilaħħqu mal-ħajja jew li mhux qed ilaħħqu mal-kirjiet.
Il-kirjiet fil-fatt, għalkemm hija problema sforz id-domanda, hija kwistjoni li qed tweġġa’ bosta persuni u familji fil-faxex iktar baxxi tas-soċjetà (dawk fil-klassi baxxa u dawk fil-klassi medja imma li jaqbdu l-inqas).
Muscat jeħtieġ jidher li attivament qed jindirizza din il-problema għalkemm din l-ammissjoni tista’ ma tkunx biżżejjed biex tikkonvinċi lil dawk li fil-fatt għaddejjin minn din il-problema jew li jistgħu jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.
Jammetti wkoll li hawn problemi fil-pajjiż u li l-PL m’għandux risposta għal kull problema, iżda jgħid li huwa l-PL biss li għandu “l-onestà” biex isolvi l-problema.