Il-Prim Ministru Joseph Muscat talab apoloġija dwar il-kummenti tiegħu fuq il-ħaddiema barranin li għadda waqt l-ewwel dibattitu tiegħu mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Meta kien qiegħed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, wara li qal li hu ma jridx jara Maltin jaħdmu fix-xemx jew jiġbru ż-żibel, il-Prim Ministru ammetta li l-kummenti tiegħu kienu insensittivi.
“Wara li erġajt smajt ir-recording dehert li kont insensittiv u jiddispjaċini,” qal il-Prim Ministru għall-mistoqsija tal-ġurnalist ta’ MaltaToday.
Insista li hu kien qiegħed jirreaġixxi għal kummenti tal-Oppożizzjoni dwar il-barranin, li fi kliemu qed tippreżenta l-barranin bħala “l-għadu.”
Spjega li wara li Delia qal li jrid li jiġi barranin li jkunu mgħallma, hu ried jinsisti biss li jrid jara Maltin li jkunu mgħallma.
“Wara li rajt mill-ġdid dak li għidt dak il-ħin u l-mod ta’ kif inħarġet, kont nidher li kont insensittiv. Jiddispjaċini jekk weġġajt lil xi ħadd,” saħaq Muscat.
Il-kummenti tal-Prim Ministru kienu kkritikati mhux biss mill-Partit Nazzjonalista iżda anke mill-Moviment Graffitti li ddeskrivihom bħala razzisti.