'Vot għall-kandidati tal-Partit Laburista huwa vot kontra Malta' - Delia
Adrian Delia jisħaq li kull vot għall-kandidati tal-Partit Laburista huwa vot ieħor favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa li jrid il-Partit Soċjalista Ewropew
minn Yendrick Cioffi
“Vot għall-Partit Laburista huwa vot kontra Malta.” Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività taħt it-tinda fil-Fgura li matulha ddedika d-diskors kollu tiegħu biex jisħaq dwar il-wiegħda tal-Partit Soċjalista Ewropew favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa fl-Unjoni Ewropea.
Delia fakkar li din il-proposta tinsab imniżżla fil-manifest elettorali tal-Partit Soċjalista Ewropew u li l-Partit Laburista Malti approva.
Kien għalhekk, li għal aktar minn darba waqt l-attività tal-lejla, Delia insista li kull vot għall-kandidati soċjalisti, u allura kull siġġu mogħti lill-kandidati tal-Partit Laburista, ikun ifisser pass eqreb biex Malta titlef il-vantaġġ li sa issa dejjem gawdit fis-sistema tat-xaxxa tagħha.
Waqt li rrefera għall-kumment ta’ Alfred Sant ta’ għajn għal għajn u sinna għal sinna, Delia saħaq li lbieraħ l-istess kandidat Laburista għamel theddida akbar. “Alfred Sant ammetta u qal li jaqbel mal-armonizzazzjoni tat-taxxa,” kompla jgħid il-Kap Nazzjonalista.
Delia insista li l-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista jaħdmu biex Malta żżomm is-sistema ta’ taxxa kompettitiva tagħha u li bis-saħħa tagħha mhux biss inbena f’Malta s-settur finanzjarju iżda attirat ukoll diversi kumpaniji barranin.
Fi kliemu dan huwa dak li jagħmlu l-Ewroparlamentari Nazzjonalista u mhux ħsara lill-pajjiż kif qed jakkużahom il-Partit Laburista.
“Mill-ewwel ġranet tal-kampanja tiegħi kont għidt li ħsara lil pajjiżi ma nagħmel qatt. Qiegħed fil-politika biex inservi lill-pajjiżna,” insista Delia.
'Aħna ma nistħu qatt ngħidu minn aħna qatt u qatt ma biddilna isimna'
Tkellem fit-tul dwar is-settur finanzjarju u insista li l-Partit Nazzjonalista bena dan is-settur mix-xejn u baqa’ jsaħħu bis-saħħa ta’ liġijiet li daħħal fis-seħħ. Fi kliemu, meta l-Maltin kienu jmorru barra mill-pajjiż biex ibiegħu s-servizzi tagħhom, ir-reputazzjoni kienet tasal qabilhom, għal kuntarju ta’ dak li fi kliemu qiegħed jiġri llum.
Aħna ma nidħku b’ħadd u ma nistħu qatt nuru minn aħna u qatt ma nbiddlu l-bixra tagħna
“Dan il-Gvern li jrid jgħajjar lilna, f’sitt snin biss, reputazzjoni ta’ eċċellenza kissirha, ġarrafna u ġaba fix-xejn,” saħaq Delia waqt li rrefera għal diversi rapporti fosthom dawk tal-Greco u tal-Moneyval. “Fl-MFSA, l-Awtorità li tirregola dan is-settur, in-nies ma jintgħażlux bil-kapaċità imma minn Kastilja, mill-Prim Ministru nnifsu.”
Kien hawn li Delia tenna li wara l-ħsara li saret lil dan is-settur, il-Partit Laburista approva manifest li jaqbel mal-armonizzazzjoni tat-taxxa u fi kliemu, propju għalhekk li l-Prim Minstru ma jridx jaċċetta li hu soċjalist.
“Tidħaqx bin-nies. Aħna ma nistħu qatt ngħidu minn aħna qatt u qatt ma biddilna isimna u ħadd ma għandu biex iħamrilna wiċċna. Aħna ma nidħku b’ħadd u ma nistħu qatt nuru minn aħna u qatt ma nbiddlu l-bixra tagħna,” insista Delia għaċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.
Kien hawn li tenna dak li ilu jikkampanja fuqu, jiġifieri li din mhijiex elezzjoni bejn tnejn min-nies imma hija elezzjoni għall-pajjiż “biex nuru li dan hu Gvern arroganti.”
‘Il-Gvern b’saħħtu għax għandu l-flus ... il-PN għandu n-nies’ - David Agius
Matul l-attività tkellem ukoll il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius li saħaq li jinsab ċert li fil-25 ta’ Mejju l-Partit Nazzjonalista kapaċi jikseb riżultat pożittiv li minnu jgawdi mhux biss hu, iżda jgawdi l-pajjiż kollu.
Agius saħaq li jekk il-Gvern u l-Partit Soċjalista huwa b’saħħtu finanzjarjament, il-Partit Nazzjonalista “għandu n-nies,” u għalhekk appella lil dawk preżenti biex iwasslu l-messaġġ tal-Partit.
Huwa kkritika lill-Gvern għax fi kliemu mhux kapaċi jagħmel distinzjoni bejn Gvern u partit waqt li kkritika wkoll dawk li sejħilhom “avviżi mħallsa minn flus il-poplu,” li l-Gvern qed jibgħat fid-djar jew inkella jtella’ fuq il-midja soċjali biex iwassal “il-propaganda” tiegħu.
Insista li filwaqt li l-Gvern qed jipprova jagħti l-impressjoni li fil-pajjiż ma hawnx problemi, meta l-kandidati u t-tmexxija tal-Partit iduru d-djar qed iħossu r-realtajiet tan-nies, fosthom il-problemi tal-faqar u dawk marbuta mal-akkomodazzjoni.
Appella wkoll lil dawk li qed jisħqu li l-Partit Nazzjonalista ma għandux proposti biex jaqraw il-manifesti elettorali li ħareġ fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista.
Francis Zammit jisħaq li l-Prim Ministru qed jibża’ minn dibattitu ma’ Delia
Min-naħa tiegħu, il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech, tkellem mhux biss dwar ix-xogħol li wettaq fil-Parlament Ewropew, iżda anke dwar id-dibattitu bejn Joseph Muscat u Adrian Delia.
Filwaqt li ddeskriva li l-Prim Ministru bħala "kodard," għax fi kliemu għamel sena u nofs jistenna biex ikollu dibattitu mal-Kap tal-Oppożizzjoni, insista li issa x’aktarx li qed jgħid lilu nnifsu li kellu raġun ma għamilx dibatittu qabel, għax saħaq li Delia ħareġ b’saħħtu ħafna.
Fakkar li jiem wara dan id-dibattitu, il-Prim Ministru kellu jagħti raġun lil Delia u jitlob apoloġija għall-kummenti tiegħu fuq il-ħaddiema barranin.
L-attività kienet indirizzata wkoll mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijet tal-Parlament Ewropew, Michael Mercieca u Roselyn Borg Knight.