L-Ewroparlamentari u l-kandidat Laburista Alfred Sant giddeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li lbieraħ fil-Fgura qal li Alfred Sant mhux biss ammetta imma stqarr li jaqbel mal-armonizzazzjoni tat-taxxa u dan waqt li kien qiegħed jieħu sehem fil-programm REALTÀ fuq PBS.
Fi stqarrija, Alfred Sant saħaq li kemm ilu Membru Parlamentari Ewropew tkellem u ħadem konta l-armonizzazzjoni tat-taxxa fl-istati membri tal-UE għax dan ma jaqbilx għal Malta.
Spejga kif waqt il-programm huwa tkellem fuq kif fit-13 ta’ Diċembru 2017 it-tliet MEPs tal-Partit Nazzjonalista ivvotaw favur riżoluzzjoni dwar it-taxxi fl-Ewropa li tgħid ċar u tond li għandha titneħħa r-regola tal-unanimità biex il-politika tat-tassazzjoni tal-istati membri tal-UE tkun deċiża b’maġġoranza kkwalifikata.
“Din ir-Riżoluzzjoni ma kinitx fl-interess ta’ Malta għax hija ta’ theddida diretta għall-għajxien ta’ 25,000 persuna li jaħdmu fis-servizzi finanzjarji u fl-igaming,” saħaq Sant. “David Casa, Roberta Metsola, Francis Zammit Dimech ivvutaw favur din ir-riżoluzzjoni li trid tiftaħ it-triq għall-armonizzazzjoni tat-taxxi fl-UE.”
Insista li d-Delegazzjoni kollha tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew ivvotat kontra.
Talab lil Adrian Delia biex jiddikjara jekk jaqbilx mal-vot ta’ David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech fit-13 ta’ Diċembru 2017, jekk kinux infurmawh li se jivvutaw favur l-armonizzazzjoni tat-taxxi fl-istati membri tal-UE u x’kienet ir-reazzjoni tiegħu dakinhar.
“Dik hija t-tweġiba li qed jistenna l-poplu Malti u Għawdxi,” saħaq Sant.