Ċifri tal-Eurostat juru lil Malta bħala wieħed minn fost l-agħar pajjiżi f'dak li jirrigwarda emmissjonijiet CO2 (Dijossidu tal-Karbonju), jiġifieri l-ħmieġ li jintefa' fl-arja ħafna drabi minn power stations u karozzi li jaħdmu bil-fjuwil.
Iċ-ċifri fil-fatt juru illi Malta, meta tqabbel l-2018 mal-2017, kellha it-tieni l-akbar żieda ta' emmissjonijiet fl-arja, qabilha biss il-Latvja. Malta rreġistrat żieda ta' 6.7% filwaqt li l-Latvja rreġistrat 8.5% f'emmissjonijiet.
Dan huwa kuntrarju tal-miri Ewropej u lokali li suppost qed jaraw li l-livelli tas-CO2 jonqsu. Fil-fatt, għal dan il-għan il-Prim Ministru Joseph Muscat kien sostna li Malta għandha taqta' l-karozzi li jaħdmu bil-petrol/diesel. L-MEP Laburista kellha rapport tagħha dwar tnaqqis ta' CO2 u miri f'dan is-sens approvat mill-Parlament Ewropew
Ma' Malta, fost dawk li raw żieda, hemm ukoll il-Polonja, l-Estonja, l-Islovakkja, l-Finlandja u r-Repubblika Ċeka.
Minn naħa l-oħra l-Portugall huwa l-aktar pajjiż li ra tnaqqis fl-emmissjonijiet (-9%). Mal-Portugall, dawk li qed inaqqsu l-emmissjonijiet huma l-Belġju, l-Irlanda, l-Ġermanja, l-Olanda, l-Kroazja, il-Greċja u l-Italja, fost oħrajn.