'Ambjent prijorità ... l-akbar gidba tal-Gvern' - Delia
Adrian Delia jiddedika d-diskors tiegħu dwar l-ambjent u saħaq li l-PN iwiegħed li l-ambjent ikun verament il-prijorità tiegħu
minn Yendrick Cioffi
Fit-tieni attività taħt it-tinda, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddedika d-diskors tiegħu dwar l-ambjent u saħaq li l-wiegħda li l-Partit Laburista għamel fl-2013, jiġifieri ‘Ambjent Prijorità,’ kienet l-akbar gidba tal-Gvern.
Delia qal dan fiż-Żejtun waqt li wiegħed li kemm il-Partit Nazzjonalista u kemm l-Ewroparlamentari tiegħu, se jagħtu verament il-prijorità lill-ambjent, fejn fi kliemu, kull deċiżjoni tittieħed fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali.
“Sitt snin ilu Muscat wiegħed li l-ambjent se jkun prijorità. Ma hawnx persuna waħda li ma taħsibx li din kienet l-akbar gidba,” insista l-Kap tal-Oppożizzjoni. “Muscat kien jgħid li jrid ineħħi l-fabbrika tal-kanċer, minflok ħoloq pajjiż li huwa żona industrijali li jżid it-tniġġis kuljum.”
Ikkwota ċ-ċifri tal-Eurostat ippubblikati llum li meta jqabblu l-2018 mal-2017, Malta kellha t-tieni l-akbar żieda ta’ emmissjonijiet fl-arja.
“600 persuna qed tmut qabel iż-żmien fis-sena minħabba l-arja maħmuġa li dan il-Gvern irid ikompli jħammeġ,” saħaq Adrian Delia. “Dak l-aqwa fl-Ewropa...li noqtlu lilna nfusna qabel iż-żmien,” kompla jinsisti, waqt li kkritika l-Gvern li qed jonfoq flus il-poplu biex jagħmel kampanja biex jgħid lill-poplu li ma hemmx problema.
'Għandna u qed naħdmu fuq soluzzjonijiet għal enerġija aktar nadifa'
Irrefera għall-karozzi fit-toroq u insista li minflok jindirizza l-problema, il-Gvern qed jonfoq il-miljuni biex iwessa’ t-toroq u jrid li jibqa’ jġib il-barranin u dan se jfisser biss aktar karozzi.
Muscat kien jgħid li jrid ineħħi l-fabbrika tal-kanċer, minflok ħoloq pajjiż li huwa żona industrijali li jżid it-tniġġis kuljum
Fakkar ukoll li l-Gvern tela’ bl-għajta tal-enerġija nadifa. Waqt li insista li din il-wiegħda kienet tfisser kuntratti “maħmuġa,” insista li Malta lanqas laħqet il-miri tal-Unjoni Ewropea għall-użu ta’ enerġija nadifa u dan minkejja li l-mira ta’ 10% hija l-inqas waħda.
Insista li dwar l-enerġija nadifa, il-Partit Nazzjonalista għandu soluzzjonijiet u qed jaħdem fuq aktar soluzzjonijiet biex il-pajjiż ikun fuq quddiem fl-użu tal-enerġija alternattiva.
'Ħoloq l-iskart u issa ma jafx x'se jagħmel bih'
Dwar ir-reklamazzjoni, Delia saħaq li din hija soluzzjoni ta’ Gvern li ma għandux pjan.
“Il-Gvern qed joħloq skart aktar minn qabel u ma jafx x’se jagħmel bih. L-ewwel ħoloq il-problema u issa jrid jitfgħu fl-ewwel post li jsib,” saħaq il-Kap Nazzjonalista.
Appella lill-Gvern biex iħares fit-tul u jippjana. “Fejn irriduh imur dan il-pajijż? Kemm se nibqgħu ngħixu f’pajjiż fgat? Kemm se nkabbru l-popolazzjoni?”, staqsa Delia waqt li insista li l-Prim Ministru baqa’ ma weġbux waqt id-dibattitu meta staqsih b’kemm irid iżid il-popolazzjoni.
Kompla jisħaq li kull laqgħa li qed ikollu maż-żgħażagħ u mat-tfal qed ikellmuh kontinwament dwar l-ambjent u kien hawn li insista li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel wiegħda li jrid Malta nadifa, ambjent nadif u enerġija nadifa .
“Irridu li lill-pajjiż nagħtuh dak li jixraqlu,” temm jgħid il-Kap Nazzjonalista.
De Marco jqabbel l-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju ma’ dik tal-1987
Tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista u eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco, li fakkar fl-elezzjoni li rebaħ il-Partit Nazzjonalista fid-9 ta’ Mejju tal-1987, bħal għada 32 sena.
De Marco saħaq li għal min jiftakar dawk iż-żminijiet, jaf li ż-żminijiet tal-lum mhuwiex daqshekk differenti.
“Kienu żmien ta’ kuraġġ u ta’ tama. Hekk aħna għandna nħarsu lejn dawk iż-żminijiet, biex ma naqtgħux qalbna anke jekk il-mewġ huwa kontrina,” saħaq de Marco. “Bħal dakinhar irridu nemmnu f’pajjiżna, fil-poplu tagħna, fil-kawża tagħna.”
Tenna dak li qed jikkampanja fuqu l-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li s-Soċjalisti Ewropej, il-grupp li miegħu huwa affiljat il-Partit Laburista, huma favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa u li fi kliemu tfisser ħsara kbira għal Malta.
‘Ikkonvinċu mqar tliet kandidati kull wieħed’ – Peter Agius
Min-naħa tiegħu, il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius li insista kif l-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju għandha tagħżel l-aħjar nies li jwasslu fl-Ewropa l-valuri u l-interessi tal-Maltin.
“Irridu nies li jaddatataw lill-Ewropa għal Malta,” insista Agius waqt li appella lin-Nazzjonalisti biex jikkonvinċu mqar tliet persuni kull wieħed.
‘Mhux apoloġija rrid imma li twiegħed rispett lil kull ħaddiem’ – Roberta Metsola
L-Ewroparlamentari u l-kandidata Roberta Metsola għamlet referenza għall-apoloġija li talab il-Prim Ministru wara l-kummenti tiegħu fuq il-ħaddiema barranin.
“Dak mhux kumment insensittiv kien, imma kumment diżgustanti,” saħqet Metsola.
Kien hawn li talbet lill-Prim Ministru biex minflok apoloġija, jitlob rispett lill-ħaddiema kollha Maltin u Għawdxin.