'Is-settur tal-proprjetà beda jikkalma' - Sandro Chetcuti
Chetcuti jilmenta wkoll dwar żviluppaturi ġodda li ma għandhomx esperjenza
More in Politika
Chetcuti jilmenta wkoll dwar żviluppaturi ġodda li ma għandhomx esperjenza
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti saħaq li s-suq tal-proprjetà beda jikkalma xi ftit waqt li ddeskriva dan bħala xi ħaġa pożittiva għall-iżviluppaturi.
F’kummenti mal-gazzetta BusinessToday, Chetcuti insista li l-prezzijiet tal-proprjeta ma setgħux jibqgħu jiżdiedu.
Saħaq li jekk sa ftit ilu kont tbigħ appartament mill-ewwel, illum tista’ ddum ftit aktar biex issib il-bejgħ tiegħu.
“Ix-xerreja qed jieħdu aktar żmien biex ifittxu x’hemm disponibbli fost għażla kbira ta’ proprjetajiet fis-suq,” saħaq Chetcuti.
Dwar il-kostruzzjoni, Chetcuti saħaq li diversi żviluppaturi ġodda daħlu fis-suq mingħajr ma huma familjari tiegħu u fi kliemu, il-livell professjonali tagħhom huwa baxx.
Jekk skont Chetcuti, is-suq tal-prorpjeta beda jikkalma, jidher li s-suq tan-negozji ż-żgħar qed ibati ħafna matul din is-sena.
In-negozji ż-żgħar jirrappurtaw tnaqqis fil-bejgħ
Minkejja dak li qalu statistiċi tal-Eurostat ppubblikati fl-aħħar ġimgħat, il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU, Abigail Mamo, qalet mal-istess gazzetta li n-negozji ż-żgħar irrappurtaw tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ tagħhom meta jqabblu l-andament tan-negozju ma’ dak tas-sena li għaddiet.
Mamo saħqet li għal ċertu negozji żgħar, id-differenza fil-bejgħ kienet waħda sostanzjali.
“Jannar beda bil-mod, bin-negozji jittamaw li l-affarijiet jaqilbu għall-aħjar, iżda minflok il-bejgħ naqa’ nieżel sostanzjalment, b’April ikun l-agħar xahar sa issa,” saħqet Mamo.
Kompliet tisħaq li din is-sitwazzjoni qed tkompli mat-tendenzi rrappurtati wkoll f’setturi oħra, fosthom dak turistiku u s-suq tal-kera.
Mistoqsi mill-gazzetta dwar dan, il-President tal-għaqda li tirrappreżenta l-ħwienet fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta, Paul Fenech, ikkonferma wkoll li ħafna ħwienet qed jirrappurtaw tnaqqis fil-bejgħ.
“Kien hemm tnaqqis u ovvjament aħna dejjem nittamaw li x-xogħol ikun aħjar minn dak tas-sena ta’ qabel, saħaq Fenech.
Mistoqsi x’jaħseb li qed iwassal għal dan, Fenech saħaq li l-inċertezza li nħolqot fost it-turiżmu Brittaniku, minħabba Brexit, hija waħda mill-fatturi li qed twassal għal nuqqas fil-bejgħ, waqt li fakkar li s-settur turistiku Malti jiddependi ħafna mit-turisti li jkunu ġejjin mir-Renju Unit.
Ix-xiri onlajn ukoll qed iħalli l-impatt tiegħu, kompla jisħaq Fenech.
“Iżda t-turiżmu għandu jpatti għall-effett tax-xiri onlajn,” saħaq Fenech. “Għalhekk għandna nħarsu aktar lejn dan is-settur meta nippruvaw nifhmu t-tnaqqis fil-bejgħ tan-negozji ż-żgħar.”