Disgħa minn 14-il kandidat tal-PL ma jweġbux dwar l-abort
Ħadd mill-kandidati li wieġbu l-kwestjonarju ma qalu li huma favur l-abort
minn Yendrick Cioffi
Disgħa mill-erbatax-il kandidat tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew ma weġbux mistoqsijiet tal-Fondazzjoni Life Network li bagħtet lill-kandidati kollha tistaqsihom jekk jivvutawx favur liġijiet jew reżoluzzjonijiet li jippromovu l-abort, fost oħrajn.
Il-kandidati Laburisti li ma weġbux kienu: Josef Buegeja, Noel Cassar, Miriam Dalli, Mary Gauci, Josanne Cutajar, James Grech, Joe Sammut, Alfred Sant u Lorna Vassallo.
Ħadd mill-kandidati li wieġbu ma qalu li jivvutaw favur.
Intant, minkejja li mhux imniżżel mal-lista, il-kandidat Nazzjonalista David Stellini qed jisħaq li hu wieġeb il-kwestjonarju u ddikjara li hu kontra l-abort.
Il-maternità surrogata...jaqblu jew le l-kandidati?
Il-Fondazzjoni staqsiet ukoll lill-kandidati jekk jaqblux mal-maternità surrogata, liġi li l-Ministeru għas-Saħħa qed jaħdem fuqha kif ikkonferma għal aktar minn darba mal-gazzetta ILLUM.
Il-kandidati li wieġbu favur kienu Felix Galea Busuttil, Fleur Vella u Robert Micallef, li huma tliet kandidati Laburisti. Antoine P. Borg, kandidat indipendenti, ukoll wieġeb favur.
Il-bqija tal-kandidati li wieġbu dan il-kwestjonarju qalu li ma jaqblux.
Dwar l-ewtanasja, kif wieġbu l-kandidati?
Mistoqsija oħra li ntbagħtet lill-kandidati kollha kienet dwar l-ewtanasja u/jew is-suwiċidju assistit.
"Inti tivvota favur miżuri li jippromwovu, jabbraċċjaw jew jinkoraġixxu l-ewtanasja u/jew is-suwiċidju assistit?," kienet il-mistoqsija.
Minn dawk li wieġbu l-kwestjonarju, il-kandidati Laburisti Felix Galea Busuttil, Alex Agius Saliba u Fleur Vella biss wieġeb li jivvota favur. Il-bqija wieġbu le.
Jiddefendu l-libertà tal-kuxjenza?
Fl-aħħar nett, staqsew ukoll jekk jikkomettux ruħhom li jiddefendu l-libertà tal-kuxjenza ta’ kull persuna "kif garantit mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali."
Il-kandidat Laburista Felix Galea Busuttil biss wieġeb le. Il-bqija, dawk li bagħtu r-risposti, wieġbu kollha iva.