70,000 vot tal-elezzjoni tal-PE għadhom lanqas biss inġabru - Muscat
Jgħid illi tort in-nuqqas ta' viżjoni ta' Gvernijiet Nazzjonalisti li għamlu 'kalkolu ħażin' għandna defiċit ta' infermieri
More in Politika
Jgħid illi tort in-nuqqas ta' viżjoni ta' Gvernijiet Nazzjonalisti li għamlu 'kalkolu ħażin' għandna defiċit ta' infermieri
Meta ilejla kien qed jitkellem fir-Rabat (Malta) il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal illi 70,000 vot tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għadhom lanqas biss inġabru, filwaqt li sostna illi madwar 130,000 vot tal-Kunsilli Lokali ma nġabrux anqas. Huwa ħeġġeġ lil kulħadd biex jiġbor id-dokument tal-vot u fakkar li mingħajru ħadd ma jista' jivvota. Huwa saħansitra qal illi ħafna nies ma nstabux id-dar għax illum hawn iktar nies jaħdmu, speċjalment nisa.
Dwar l-infermiera Muscat sostna illi sforz id-deċiżjonijiet ta' gvernijiet preċedenti Nazzjonalisti pajjiżna għandu "defiċit ta' infermieri." F'dan il-punt huwa staqsa; "Jekk ma jkollniex infermiera barranin għax ħaddieħor ma ħasibx għall-futur, x'nagħmlu? Ma nagħmlux operazzjonijiet?"
Muscat qal illi anke jekk il-120 persuna li se jiggradwaw mill-kors tal-infermiera, kollha jsiru infermieri u kollha mal-Gvern, "xorta inkunu 300 infermier minn taħt."
F'dan il-punt Muscat appella lil dawk preżenti biex dawk li għandhom il-vokazzjoni, iħarsu lejn karriera fil-qasam tas-saħħa
'Il-priorità issa hija l-kwalità tal-ħajja'
Hu ammetta illi ftit hawn spazji miftuħa fejn persuna tista' tmur għall-kwiet u ma jkollhiex għalfejn tħallas. "Qbadna 52 tomna ta' art u minflok fabbrika għażilna li niddeċiedu favur l-ambjent," qal Muscat f'referenza għall-proġett li tħabbar illum dwar il-Park Nazzjonali ta' Ta Qali. Hu qal li dan il-post se jikber daqs terz ta' Hyde Park, "se jkun pulmun kbir għal pajjiżna .. qed nagħtu sinjal ċar li qed nisimgħu l-bżonn għal aktar spazji miftuħa," sostna l-PM. Fakkar ukoll illi l-Gvern ħabbar proġett ta' spazju miftuħ fiż-żona ta' Benigħisa, f'Birżebbuga.
"Dan il-Gvern mhux biss jisma' imma jifhem li llum li l-ekonomija kibret u l-familji għandhom rashom mistrieħa, issa l-priorità hija l-kwalità tal-ħajja," qal Muscat għaċ-ċapċip ta' dawk preżenti.
Hu għamel elenku ta' leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, fosthom dwar l-użu tal-plastiks bħala frieket, skieken u tazzi li se jkunu projbiti. Hawnhekk sostna li l-bżieżaq li jintelqu fl-arju għandhom jitwaqqfu għax joqtlu l-ħajja fil-baħar, "għax dawn huma affarijiet li jolqtuna u jaffetwaw il-kwalità tal-ħajja.
Ilum tħabbret l-istrateġija għat-tnaqqis fir-rimi tal-plastik
Dwar it-toroq sostna li bix-xogħol li qed jagħmel il-Gvern fuq it-toroq dawn se jibqgħu tajbin u jservu għas-snin li ġejjin.