'Kull ġimgħa 10 Maltin qed imutu bil-kanċer minħabba l-kwalità tal-arja' - Delia

Il-Kap Nazzjonalista jisħaq li flok iwessa' t-toroq biex jiżdiedu l-karozzi, il-Gvern għandu juża l-istess flus biex joħloq sistema ta' trasport tal-massa

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li kull ġimgħa, għaxar Maltin qed imutu qabel iż-żmien minħabba l-kwalità tal-arja ħażina.

Delia qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza attività politika taħt it-tinda fiż-Żurrieq fejn illum iddedika d-diskors kollu tiegħu biex jitkellem dwar il-ġlieda li l-Partit Nazzjonalista jrid jagħmel kontra l-kanċer.

“L-Ewropa għandha r-riżorsi, l-għarfien, l-abbilità u l-flus biex din il-marda tegħlibha darba għal dejjem,” saħaq Delia. “Din hija wiegħda tal-Partit Nazzjonalista. Din hija wiegħda ta’ tama.”

Fakkar li f’Marzu li għadda, il-Partit Nazzjonalista ħareġ 30 proposta konkreti dwar il-ġlieda kontra l-kanċer u fakkar li permezz tal-Ewroparlamentari Francis Zammit Dimech, dawn saru wkoll prijorità għall-Partit Popolari Ewropew li qed iwiegħed masterplan Ewropew għal din il-ġlieda.

Flok isolvi l-problema, il-Gvern irid iżidha. Ftaħar li għalaq il-fabbrika tal-kanċer, iżda minflok il-kwalità tal-arja marret għall-agħar

“Meta ngħidu li rridu niddefendu lil pajjiżna, ifisser li rridu ngħinu lin-nies tagħna,” saħaq il-Kap Nazzjonalista. “Il-ġlieda tagħna mhux kontra xulxin. Ma nemmnux li fil-politika rridu nirbħu lil xulxin. Qegħdin fil-politika biex inservu ...  Irridu naħdmu flimkien biex negħlbu dan l-għadu tal-kanċer.”

Kien hawn li rrefera għall-aħħar statistika tal-Eurostat li poġġiet lil Malta fost l-agħar pajjiżi għall-kwalità tal-arja u tenna li l-kanċer huwa direttament marbut mal-kwalità ħażina tal-arja.

“Flok isolvi l-problema, il-Gvern irid iżidha. Ftaħar li għalaq il-fabbrika tal-kanċer, iżda minflok il-kwalità tal-arja marret għall-agħar,” insista Delia.

Tkellem dwar l-għadd ta’ karozzi li qed jiżdiedu fit-toroq kull sena u insista li l-Gvern flok jonfoq il-flus biex iwessa’ t-toroq ħalli jiżdiedu l-karozzi, imissu juża dawk il-miljuni biex jinvesti f’sistema ta’ trasport tal-massa.

'Joseph qed iħallas minn flusna biex jitfa' ismu fuq il-billboards'

Waqt li fakkar li kien Gvern Nazzjonalista li ġab il-fondi għall-bini ta’ sptar tal-onkoloġija u kienu l-istess Gvernijiet li bdew programmi ta’ breast screening, insista li llum il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jipproponi, fosthom biex jitwessa’ l-programm ta’ screening.

Appella dwar il-bżonn ta’ kampanja ta’ għarfien biex aktar Maltin jersqu lejn dawn il-programmi biex f’każ li jkunu morda bil-kanċer, jaqbduh fi stat bikri, biex iċ-ċans li jfiequ jkun akbar.

Kien hawn li appella lill-Gvern biex il-flus għar-reklamar jużahom tajjeb. “Joseph qed iħallas minn flusna biex jitfa’ ismu fuq il-billboards,” saħaq Delia.

Appella wkoll lill-Gvern biex jgħin aktar professjonisti Maltin biex jistudjaw, anke barra minn xtutna, kif uħud diġà jagħmlu, u jwettqu riċerka fuq il-kura tal-kanċer.

Kien hawn li Delia fakkar li l-Partit Nazzjonalista u l-Partit Popolari Ewropew qed jisħqu dwar l-importanza li l-pajjiżi Ewropej jaħdmu flimkien f’dan il-qasam, jaqsmu l-għerf u l-esperjenza waqt li tenna li flimkien, il-pajjiżi Ewropej jistgħu jegħlbu l-kanċer.

Insista wkoll li l-Partit Nazzjonalista jrid joħloq u joffri sapport aktar ħolistiku għall-pazjenti u l-familji tagħhom.

“Iltqajt ma’ familji li nefqu ġidhom ... Jekk vera qed nagħmlu l-ġid għalfejn ma nużawx il-flus biex ngħinu lil dawn il-familji,” temm jgħid il-Kap Nazzjonalista.

‘Jekk ma nivvutawx lill-kandidati kollha, il-PN se jtella’ żewġ siġġijiet biss’ - Borg Knight

Waqt l-attività tkellmet ukoll il-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Roselyn Borg Knight li ma tantx dahret mal-lewża meta saħqet li jekk il-votanti ma jivvutawx lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista, l-istess partit se jitlef it-tielet siġġu tiegħu.

Madanakollu saħqet li għandha t-tama li jekk il-Partit Nazzjonalista jaħdem f’dawn l-aħħar ħmistax, jista’ jtella’ t-tielet siġġu wkoll.

Insistiet li fl-aħħar ġimgħa ċemplulha Laburist, persuna li tivvota liż-żewġ partiti u familja li ma kinitx se tivvota u li issa ddeċidew li se jivvutaw kollha lill-Partit Nazzjonalista.

More in Politika