Apparti dgħajsa li dieħla pajjiżna iktar tard illum b'85 immigrant, mill-inqas 65 immigrant tilfu ħajjithom ftit 'l barra mill-kosta tat-Tuneżija hekk kif id-dgħajsa li kienu fuqha inqalbet. Dan żvelatu l-UNHCR fi stqarrija dalgħodu. Apparti l-istima ta' persuni mejtin, 16-il persuna oħra li kienu fuq id-dgħajsa ġew salvati wara operazzjoni ta' salvataġġ.
Jidher illi d-dgħajsa telqet mill-Port ta' Zuwara fil-Libja u kienet sejra lejn l-Italja, qal Kelliem għall-Ministeru tad-Difiża Tuneżin.
Dgħajsa tas-sajd salvat lis-16-il persuna li kienu trasferiti fuq tliet bastimenti militari fl-operazzjoni tas-salvataġġ. Helikopter Malti kien ukoll parti mill-operazzjoni.
Il-Ministeru tal-Intern Tuneżin qal li madwar 75 persuna kienu fuq id-dgħajsa għalkemm għaqda non governattiva sostniet illi probabilment kien hemm aktar u allura jista' jkun li n-numru ta' dawk li tilfu ħajjithom se jiżdied ukoll.
Intant dawk li kienu salvati ttieħdu fil-villaġġ Tuneżin ta' Zarzis.
Minkejja li l-Ministru Taljan Matteo Salvini ħalef li ma jħallix immigranti jidħlu, ibieraħ filgħodu għexieren ta' immigrnti daħlu Sqallija hekk kif id-dgġajjes bl-immigranti komplew deħlin, fenomenu li mistenni jiżdied hekk kif jidħol is-Sajf.
Intant il-Baħar Mediterran, traġikament qed ikompli jservi ta' ċimiterju għal dawk kollha li qed jitilfu ħajjithom.