Attivisti minn Repubblika ppreżentaw rikors quddiem il-Maġistrat tal-Għassa fejn qed jitolbu li tinfetaħ inkjesta maġisterjali dwar dawk li huma qed isejħulu “bħala skandlu tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-Isptar ġenerali t’Għawdex.
Fir-rikors, Repubblika qed tisħaq li l-Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi “taw vantaġġ skorrett u sproporzjonat lil azzjonisti ta’ kumpanija privata biex tmexxi l-isptarijiet pubbliċi tagħna, meta din ma kellha l-ebda esperjenza fil-qasam mediku u ffangat b'miljuni ta' ewro minn fondi pubbliċi li ħadd ma jaf x'sar minnhom.”
L-attivisti qed jisħu li l-aġir tal-Ministru jagħti lok għal suspett li f’dan il-każ kien hemm il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus
“Repubblika talbet li tinfetaħ inkjesta biex jinġabru u jinżammu l-provi dwar dawn id-delitti serji fl-assenza ta’ investigazzjoni mill-awtorità kompetenti li tinvestiga reati suspettati f’Malta: ċioè l-Pulizija,” spjegaw l-attivisti.
Fir-rikors, twil 153 faċċata, Repubblika elenkat il-fatti kollha li huma magħrufa pubblikament dwar kif il-Gvern ftiehem mal-Vitals Global Healthcare
“Dan il-ftehim klandestin sar qabel il-proċess fażull ta’ offerti pubbliċi,” kompliet tfakkar Repubblika.
Qalu wkoll li wara spiża li hi stmata bejn il-50 u 100 miljun ewro, VGH tħallew jitrasferixxu l-isptarijiet lil ħaddieħor mingħajr ebda benefiċċju pubbliku waqt li allegaw li seta’ kien hemm qligħ konsiderevoli għalihom u dan bi ksur tal-kuntratt pubbliku li l-Gvern kien ippreżenta fil-Parlament
“Intant hu suspettat ukoll li Ivan Vassallo, propjetarju tas-soċjetà Technoline, ibbenefika mill-privatizzazzjoni korrotta tal-isptarijiet b’kuntratti żvantaġġjużi għar-riżorsi pubbliċi bejn l-isptarijiet u l-kumpanija tiegħu li tforni provvisti mediċi,” ikompli jgħid ir-rikors.
Temmew jgħidu, li anke jekk talbu lill-Qorti biex tinvestiga, dan mhux qed iserraħ lill-Puliziaja milli jwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom.
Ir-rikors kien iffirmat mill-avukat Jason Azzopardi.
Dwar dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien fetaħ każ fejn qed jitlob li l-ftehim tal-Gvern għall-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet ikun iddikjarat null. Dan il-każ għadu għaddej.
Aqra aktar: