Mill-abort sat-taxxa u l-barranin: x’qed jgħidu l-Manifesti Ewropej (1)

L-ILLUM tagħti ħarsa lejn il-manifesti elettorali tas-Soċjalisti u d-Demkratiċi u l-Alleanza tal-Liberali u Demokratiċi għall-Ewropa

L-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju mhix se ssir Malta biss imma f’kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Lil hinn minn Muscat u Delia, x’qed jipproponu l-gruppi politiċi Ewropej? X’jgħidu dwar il-barranin? Dwar l-abort? Dwar il-ħlas tat-taxxa? Dwar l-ekonomija?

F’sensiela ta’ żewġ artikli l-ILLUM tħares lejn il-Manifesti Ewropej....

Il-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi

Il-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) huwa l-grupp li taħtu jaqgħu l-partiti soċjalisti kollha Ewropej, inkluż il-Partit Laburista. Fil-leġiżlatura li għadha kif spiċċat l-S&D kellha 185 siġġu u allura 22.3% tal-Parlament kollu. Dan il-grupp qed jimbotta lil Frans Timmermans biex ikun President tal-Parlament Ewropew, l-istess persuna li nhar l-1 ta’ Mejju kien Malta jindirizza l-mass meeting tal-Partit Laburista. Imma l-S&D x’qed jipproponi?

It-taxxa titħallas fejn ikun iġġenerat il-qligħ – Malta ma jaqblilhiex

It-taxxa:  il-manifest tal-S&D huwa ċar u ma jħalli ebda spazju ta’ interpretazzjoni dwar il-ħlas ta’ taxxa minn kumpaniji; “il-profitti jridu jkunu intaxxati fil-post fejn ikunu ġġenerati.” Dan, għalkemm huwa ġust fit-teorija, huwa detrimentali ħafna għal Malta. Għaliex? Pajjiżna joffri rata baxxa ta’ taxxa biex jattira diversi kumpaniji, li kif nafu mexxew parti mill-operat (il-headquarters, pereżempju) hawnhekk u jħallsu r-rata ta’ taxxa lokali, anke jekk fil-fatt ħafna mill-operat jinsab f’pajjiż ieħor. Pereżempju: kumpanija ‘Food’ (isem fittizju) għandha katina ta’ ristoranti fl-Olanda u filwaqt li tħalli l-operat kollu l-Olanda tiftaħ l-uffiċċju tal-acccounts u tat-tmexxija f’Malta. Il-profitt li jkun iġġenerat fl-Olanda jkun intaxxat skont ir-rati ta’ taxxa Maltija fejn il-kumpanija hija rreġistrata, anke jekk ma toperax minn hawn.

Naturalment din mhi qed tinżel xejn tajjeb mal-gvernijiet diversi, f’dan l-eżempju l-Gvern Olandiż, għax qed jintilfu miljuni f’taxxi.

Jekk tgħaddi tas-Soċjalisti bosta kumpaniji rreġistrati pajjiżna ma jifdlilhom l-ebda vantaġġ jibqgħu hawn u allura pajjiżna jidħol f’riskju li jitlef ħafna flus.

Frans Timmermans il-Kandidat tas-Soċjalisti għall-President tal-Kummissjoni Ewropea
Frans Timmermans il-Kandidat tas-Soċjalisti għall-President tal-Kummissjoni Ewropea

Favur l-abort għax tista’ tagħmel li trid b’ġismek

Fuq l-abort l-S&D huwa ċar ukoll u għalkemm ma jsemmix il-kelma ‘abort’ huwa pjuttost ċar dwaru. Il-manifest jgħid hekk: “irridu nassiguraw li kull persuna għandha jkollha aċċess sħiħ għad-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħha. Kull persuna għandha d-dritt tiddeċiedi fuq ġisimha.”

Naturalment mela, l-S&D huma favur l-abort.

Manifest b’saħħtu fuq id-drittijiet tal-ħaddiema

Dwar id-dinja tax-xogħol il-manifest tal-S&D huwa ċar ukoll u b’saħħtu ħafna.

Il-manifest soċjalista jisħaq illi l-inugwaljanza għandha tiġi mnaqqsa kemm jista’ jkun u l-proprjetà kif ukoll il-ġid daqshekk jibqgħu f’idejn il-privileġġati biss. Kliem sabiħ kieku u li jgħodd għal ħafna pajjiżi, kif se jseħħ dan tibqa’ mistoqsija pertinenti, naturalment.

Il-programm elettorali jisħaq illi l-ħaddiema kollha jridu jkollhom l-istess drittijiet, mingħajr ebda differenza ta’ xejn! Ovvjament hawnhekk qed issir referenza, anke jekk mhux diretta għal differenzi fuq pagi bejn il-ġeneru u bejn nazzjonalitajiet differenti. Il-manifest jgħid li ma jista’ jkun hemm ebda impjieg mingħajr kuntratt, ebda impjieg mingħajr paga ġusta u l-bżonn li jkunu prjobiti kuntratti tat-tip ‘żero sigħat’. L-S&D qed tisħaq ukoll li jkunu pprojbiti każijiet fejn ikun hemm dak li qed isejħulu ‘part time falz’, li huwa meta impjegatur ipoġġi lil persuna li jħaddem daqslikieku hija self employed biex jiffranka t-taxxa u ma jkollux għalfejn jagħtiha benefiċċji.

‘Modi legali u siguri ta’ immigrazzjoni’

U finalment dwar l-immigazzjoni l-S&D qed jipproponu li jkun hemm modi “legali u siguri” ta’ migrazzjoni biex skont dan il-grupp, ikun miġġieled it-traffikar tal-umani, fost oħrajn.

L-S&D jgħidu li l-Ewropa għandha bżonn “politika komuni ta’ ażil u migrazzjoni” li tkun ibbażata fuq ir-responsabbilità maqsuma bejn l-istati membri. Din hija proposta marbuta xi ftit jew wisq mal-kunċett tal-‘burden sharing’ li falla b’mod spettakolari hekk kif numru ta’ pajjiżi kienu determinati li akkost ta’ kollox ma jaċċetawx din il-proposta.

L-Alleanza tal-Liberali u Demokratiċi għall-Ewropa

L-Alleanza tal-Liberali u Demokratiċi  għall-Ewropa (Alde) kellha 57 MEP fil-leġiżlatura li għadha kemm spiċċat u qed jippreżentaw lil Guy Verhofstadt bħala kanididat għall-President tal-Parlament Ewropew. Jekk il-Partit Demokratiku jirnexxilu jtella’ MEP dan ikun mal-ALDE. Imma x’qiegħda tipproponi l-ALDE? Hawnhekk nagħtu ħarsa lejn ftit mill-proposti.

Ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u drittijiet riproduttivi

L-Alleanza qed tagħmel il-pożizzjoni tagħha ċara fuq il-bżonn li kull pajjiż jirratifika l-konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-vjolenza tal-ġeneru u l-fastidju sesswali.

L-ALDE tgħid li s-saħħa sesswali u riproduttiva tal-mara huma drittijiet umani u jsostnu li l-UE għandha tipprovdi “lin-nisa kollha b’servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi affordabbli, aċċessibbli u ta’ kwalità tajba.”

Il-protezzjoniżmu jfaqqar...

L-ALDE hija soda dwar il-prinċipji ekonomiċi u tinsisti li l-Protezzjoniżmu jhedded dak li temmen għax “timmina l-governanza, tfixkel l-attività ekonomika, tfaqqar pajjiżi u żżomm lill-ifqar pajjiżi fil-faqar.”

Immigrazzjoni: jipproponu ftehim ma’ pajjiżi siguri

Fuq l-immigrazzjoni l-ALDE titfa’ ħafna enerġija. L-ewwel nett tgħid illi fl-istat li qiegħda bħalissa s-sistema Ewropea tal-ażil u l-migrazzjoni “m’għadhiex taqdi l-funzjoni tagħha.”

Filwaqt li tagħmilha ċara illi hija kontra kull tip ta’ razziżmu u mibgħeda, tisħaq li min jipprattika dawn għandu jinġieb quddiem il-ġustizzja. Interessanti naraw kif taħdem din f’pajjiżna fejn partit żgħir bħall-Imperium Europa qed jisħaq li Auschwitz huwa ‘Disneyland’ u li l-Lhud huma wlied ix-xitan.

Guy Verhofstadt, il-kandidat tal-ALDE għall-President tal-Kummissjoni Ewropea
Guy Verhofstadt, il-kandidat tal-ALDE għall-President tal-Kummissjoni Ewropea

Dwar il-vjaġġi tal-immigranti l-ALDE tisħaq illi għandu jkun hemm rispons ibbażat għat-tul u li l-UE għandha tipprovdi xelter fir-reġjun “minn fejn ġew l-immigranti.”

L-ALDE tkompli tgħid li għandhom isiru diversi ftehim ma’ pajjiżi siguri fl-Afrika u Lvant Nofsani li jkollhom tliet elementi: 1) Jingħata l-appoġġ neċessarju f’dak il-pajjiż sigur 2) li l-immgranti jkunu mmexxija lejn post sigur b’mod legali u uman u 3) u li jkun assigurat ir-ritorn effettiv tal-immigranti f’dawn il-pajjiżi siguri meta l-Qorti tiddikjara li immigrant għandu jkun irritornat.

Kontra kull tip ta’ ċensura

L-ALDE qed tipproponi li jkun hemm aċċess ta’ informazzjoni u materjal madwar l-UE kollha, bl-istess mod. Fil-fatt l-Alleanza tgħid illi wara li tneħħew l-ispejjeż tar-roaming, issa jmiss li jkun ipprojbit il-‘geo blocking’. ‘Geo blocking’ huwa meta persuna ma tkunx tista’ tara materjal  ta’ aħbarijiet jew divertiment jew oħrajn f’pajjiż, imma tkun tista’ tarahom f’pajjiż ieħor.

More in Politika