'Prova li Adrian Delia pprova juża l-Qorti għall-iskopijiet politiċi tiegħu'
Il-Partit Laburista jinsisti li wara d-deċiżjoni ta' dalgħodu Delia għandu ħafna mistoqsijiet xi jwieġeb
More in Politika
Il-Partit Laburista jinsisti li wara d-deċiżjoni ta' dalgħodu Delia għandu ħafna mistoqsijiet xi jwieġeb
Id-Deputati tal-Partit Laburista Edward Zammit Lewis, Robert Abela u Stefan Zrinzo Azzopardi saħqu li d-deċiżjoni li ħadet dalgħodu l-Qorti Kostituzzjonali kienet prova ta’ kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia pprova juża l-Qorti għall-iskopijiet politiċi tiegħu.
Huma qalu dan waqt konferenza tal-aħbarijiet wara li dalgħodu l-Qorti ċaħdet it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex anke hu jingħata kopja tal-inkjesta Egrant.
Id-Deputati saħqu għal aktar minn darba li d-deċiżjoni li ttieħdet illum tikkonferma kemm il-pożizzjoni li kien ħa l-Avukat Ġenerali kienet korretta u kemm il-Prim Ministru ħa deċiżjoni għaqlija meta għażel li jimxi mal-pariri legali minkejja l-konvinzjoni tiegħu li jippubblika r-rapport sħiħ.
“Kburi li għandna Saltna tad-Dritt b’saħħitha,” saħaq Robert Abela. “Rajna l-istituzzjonijiet jiskrutinizzaw lil xulxin.”
'Ċertifikat ieħor għal Joseph Muscat'
Għamel referenza għad-deċiżjoni mogħtija dalgħodu u insista li din hija prova ta’ kemm id-deċiżjonijiet kollha ttieħdu fuq kriterji oġġettivi, fosthom biex ma tkunx influwenzata l-investigazzjoni li għaddejja fuq persuni msemmija fir-rapport sħiħ tal-inkjesta.
“Il-Prim Ministru, b’mod dixxiplinat mexa mal-parir legali biex ma jippreġudikax l-investigazzjoni,” saħaq Abela. “Din tagħti ċertifikat lid-deċiżjoni politika tal-Prim Ministru.”
Kien hawn li insista li wara li Adrian Delia fetaħ din il-kawża biex, fi kliemu “jiġġustifika l-u-turn li għamel,” issa għandu ħafna xi jwieġeb, għax fi kliemu daħħal lill-Qorti f’argument politiku.
Zammit Lewis jappella lill-poplu biex ma jinsix dan il-każ
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Edward Zammit Lewis insista li din kienet ġrajja tal-mistħija u appella lill-elettorat biex ma jinsiex dak li għadda minnu l-Prim Ministru ut-tfal tiegħu.
Fakkar li minħabba l-allegazzjonijiet, il-pajjiż kellu jmur għal elezzjoni bikrija, li fissret instabbilita fil-pajjiż.
“Tal-mitħija li nies bħal Pierre Portelli jgħid li ma għandux minn xiex jisħti meta kien wieħed mill-persuni li wassal għal din is-sitwazzjoni,” kompla jisħaq.
Ikkritika wkoll lil eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li fi kliemu sa dalgħodu stess qed jibqa’ jinsisti mal-Prim Ministru biex jippubblika l-inkjesta u saħaq li d-deċiżjoni tiksef ukoll ‘id-double standards” tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Kien għalhekk li insistew li l-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju hija għażla bejn Joseph Muscat u Adrian Delia, b’Zammit Lewis jisħaq li jkun għajb jekk il-poplu jinsa l-każ Egrant.