Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat, "se jċaħħad lill-poplu Malti u Għawdxi minn dibattitu importanti propju ftit jiem qabel l-elezzjonijiet tal-25 ta' Mejju, fuq l-aktar programm televiżiv popolari fuq l-istazzjon nazzjonali."
Skont il-PN din hi biss waħda minn numru ta' ċaħdie li Muscat qed jagħmel lill-poplu Malti. "Il-Prim Ministru qiegħed iċaħħad lill-poplu Malti u Għawdxi kollu mir-rapporti sigrieti li qed iżommhom "fil-kexxun" u jċaħħad il-Parlament minn ħafna diskussjonijiet," saħaq il-PN
"Il-Kap tal-PN Adrian Delia, li kien lest li jmur u jiddibatti fuq Xarabank li kieku l-Prim Ministru aċċetta. Minflok Joseph Muscat ma jridx jiddibatti fuq il-manifest tal-ħabib tiegħu Frans Timmermans u tas-Soċjalisti Ewropej fejn iridu jimponulna l-abort u jċaħħdulna d-dritt li nibqgħu aħna li niddeċiedu fuq it-taxxa," saħaq il-PN.
Skont il-PN dan huwa l-mod ta' kif, il-Gvern Soċjalista joħnoq il-proċess demokratiku f'pajjiżna, u dan b'deċiżjoni "strateġika" kif diġà l-Prim Ministru ġie rrapportat mill-midja."
Intant, skont sorsi li tkellmu mas-sit illum.com.mt, id-deċiżjoni li Muscat ma jmurx għad-dibattitu ta' Xarabank hija waħda 'strateġika' hekk kif il-Partit Laburista ħa deċiżjoni illi Muscat imur biss fuq żewġ programmi jiffaċċja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia; fuq Xtra u fuq id-dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir li jkun imxandar fl-aħħar ġurnata tal-kampanja elettorali.
Apparti minn dan, fi stqarrija b'reazzjoni għall-kummenti ta' Delia, il-Partit Laburista qal li, "għandu x’jaħbi min ma jitlobx inkjesta dwar nnifsu," qal il-PL.
Żied jgħid li, "Joseph Muscat iddibatta ma’ Adrian Delia fil-bidu tal-kampanja elettorali u se jerġa jiddibatti miegħu nhar l-Erbgħa, kif kien magħruf sa mill-bidu tal-kampanja elettorali. Din kellha tkun kampanja bla ħdura," irrimarka l-Partit Laburista.