'Din hi traġedja nazzjonali ... għandna bżonn mument nazzjonali ta' riflessjoni' - Muscat
Il-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid li rridu nwaqqfu l-ideat estremisti fil-pajjiż
More in Politika
Il-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid li rridu nwaqqfu l-ideat estremisti fil-pajjiż
B’reazzjoni b’saħħitha għall-assassinju barbaru ta’ Lassana Cisse Souleyman, il-Prim Ministru Joseph Muscat appella lin-nazzjon sabiex jaħsad l-unika opportunità minn din l-istorja tal-biża u jiżra' tama li teqred kompletament il-mibegħda fil-pajjiż.
“M’għamlu xejn lil ħadd, l-unika ħtija li kellhom hi li kienu suwed. Irridu nifhmu li din hi traġedja nazzjonali u għalhekk għandna bżonn mument nazzjonali ta’ riflessjoni,” saħaq Muscat.
Il-Prim Ministru kien qiegħed jitkellem f’attività politika f’Ta’ Farsina, ġewwa Ħal Qormi.
Huwa żied jgħid li ma jistax ikun nħallu lil minn ikompli jiżra' ideat estremisti. “Irridu nieqfu nirrepetu dak li jgħid ħaddieħor."
Muscat qal ukoll li, l-pajjiż jinsab inkwetat u mkexkex bil-każ u għalhekk jeħtieġ li jindirizzaw l-għeruq tas-sentiment u mhux naħbu l-problemi bħal m'għamlu pajjiżi oħrajn bil-politika ta’ segregazzjoni.
“Pajjiżi oħra indunaw tard wisq. Kaġun ta' hekk nibtet il-mibegħda, irridu nifhmu l-kultura ta’ xulxin, nedukaw lil xulxin u nintegraw ma' xulxin,” qal Muscat.
Fuq l-istess nota il-Prim Ministru saħaq li l-poplu Malti u Għawdxi mhux poplu li jobgħod .”Nafu nħobbu u se nkomplu mixjin ‘l quddiem. Pajjiżna se jkompli jfur bil-ġid u rrid nara kull wieħed u waħda minnkom sinjuri żgħar. Irrid nara l-mobbiltà soċjali u rrid nara li uliedna jkunu aħjar minna, ma jibżgħux minn xulxin u jgawdu diversità.”
Fi tmiem id-diskors Muscat tenna jgħid li dan il-Gvern qed jirnexxielu jirratifika l-inġustizzji li għamlu amministrazzjonijiet preċedenti. "Żiedna l-paga minima u daħħalna l-kunċetti kbar f'dan ir-rigward. Irridu niġu f’sitwazzjoni li bil-minimum wage tkun tista’ tgħajjex familja u fl-istess waqt ma jkun hawn ħadd fuq il-minimum wage."
Dan il-ġid huwa possibli biss għaliex skont Muscat u fi kliem l-eks Prim Ministru Duminku Mintoff, hemm il-baqra. "Sakemm nibqa' jiena se nibqa’ nitmagħha, naħleb u nqassam. Daqt jibdew jgħidu li qisni tal-Benna, temm jgħid b’daħka l-Prim Ministru.