Opinjoni | Malta fiż-żona tal-ewro
Alfred Sant jgħid li għadu konvint li d-deċiżjoni għas-sħubija fiż-żona ewro kienet deċiżjoni żbaljata għax wisq mgħaġġla
minn Alfred Sant
Malta tinsab fiż-żona tal-ewro. Dil-ħaġa ddeċidiha l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi bejn l-2004 u l-2007. Kellu kull dritt taħt it-trattati li bihom dħalna membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea li jagħżel meta seta’ jagħmel hekk. It-trattati madankollu jobbligaw li xi darba jew oħra, kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea (ħlief id-Danimarka u dak iż-żmien, il-Gran Brittanja) jagħmel dil-ħaġa.
Għadni konvint li din kienet deċiżjoni żbaljata għax wisq mgħaġġla. Konna għadna fi żmien fejn l-ekonomija Maltija ħteġilha tidra l-kundizzjonijiet li fihom kellha topera f’suq Ewropew wieħed. Din diġà kienet sfida qawwija. Fuqha, l-amministrazzjoni ta’ Gonzi għabbiet il-ħtieġa li Malta tibdel il-munita tagħha biex tintrabat, b’rabta li ma tinħallx, ma’ munita – l-ewro – li popolari kemm kienet popolari fost l-Ewropej, aktar żiedet piżijiet fuq l-ekonomija tagħna.
Tant hu hekk li sas-sena 2013 meta nbidel il-Gvern, il-finanzi pubbliċi f’Malta kienu kważi dejjem sorveljati mill-Unjoni Ewropea. Il-Gvern Nazzjonalista wera ruħu inkapaċi li jikkontrolla l-ħofra – id-deficit – fil-finanzi tiegħu. Qala’ ċamata wara l-oħra għax ma rnexxilux iżomm skont ir-regoli Ewropej f’dal-qasam. Terġa’, wara l-kriżi finanzjarja tas-sena 2008 – meta l-ekonomiji ta’ diversi pajjiżi fl-ewro kienu donnhom se jikkollassaw – il-pajjiżi membri taż-żona (inkluża Malta) qablu li se jħaddmu r-regoli dwar kif jitmexxew il-finanzi tal-gvernijiet b’id dejjem aktar soda. Lill-Gvern ta’ Dr Gonzi ċanfruh talli qed jikser dawn ir-regoli bit-tmexxija tiegħu u darba minnhom ġagħluh jibdel miżura finanzjarja li kien għadda mill-Parlament Malti, biex inaqqas fl-ispiża tiegħu.
Piżijiet
Biex tagħqad, bħala parti miż-żona ewro, Malta kellha tissieħeb fl-operazzjonijiet ta’ salvataġġ tal-ekonomiji ta’ pajjiżi oħra fiż-żona li kienu f’xifer tal-kollass. Is-salvataġġ sar f’diversi okkażjonijiet f’atmosfera ta’ kriżi fejn l-istati membri tal-ewro kienu mistennija joħorġu self qawwi lil min kien qed ifalli. Biex jagħmlu dan, esiġew kondizzjonijiet iebsa ħafna, li spiċċaw joħolqu tbatijiet fost il-popli, speċjalment fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Is-self li nħareġ tqassam fost il-pajjiżi membri tal-ewro li ħadu sehem fih skont is-saħħa ekonomika tagħhom. Malta spiċċat toħroġ mal-biljun u 200 miljun ewro bħala s-sehem tagħha f’das-self, minkejja li kienet qed issibha diffiċli żżomm ruħha konformi mar-regoli tal-ewro.
L-amministrazzjoni ta’ Gonzi għabbiet il-ħtieġa li Malta tibdel il-munita tagħha biex tintrabat, b’rabta li ma tinħallx, ma’ munita – l-ewro – li popolari kemm kienet popolari fost l-Ewropej, aktar żiedet piżijiet fuq l-ekonomija tagħna
Is-sabiħa f’dan kollu kienet li l-Gvern Nazzjonalista ftaħar li allaħares Malta ma kinitx fiż-żona tal-ewro, għax kieku ma kinitx tkun tista’ tkampa kontra l-mewġ tal-kriżi finanzjarja tal-2008. Issa, xejn ma kien aktar qarrieqi minn hekk. Bil-lira Maltija bħala munita tal-pajjiż, il-qagħda finanzjarja ta’ Malta u tal-Gvern tagħha kienet maqtugħa mill-buffuri tal-kriżi. Mhux talli setgħet tibqa’ fil-wiċċ, talli kienet tkun f’qagħda li tidħol fil-port finanzjarju li l-aktar jaqblilha tidħol fih, mingħajr ma jkollha għalfejn tpoġġi flusha fil-but ta’ ħaddieħor.
Matul is-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor... meta l-lira Maltija kienet għadha kemm ġiet f’tagħha... faqqgħet kriżi finanzjarja enormi, naħseb agħar minn tal-2008. Bil-lira Maltija, l-ekonomija tagħna ta’ dak iż-żmien irnexxielha tirkeb il-mewġ, bla ħtieġa li tiddendel mal-ebda munita barranija. Imma dan hu argument ieħor.
L-isfidi tal-futur
Il-fatt kien li dħalna fiż-żona tal-ewro u ħteġilna nagħmlu suċċess minn din id-deċiżjoni. Mgħaġġla kemm kienet mgħaġġla, ma setgħetx titreġġa’ lura mingħajr twegħir tremend. Biex inkunu għedna kollox, minkejja l-piżijiet li ġabet magħha, il-munita tal-ewro baqgħet popolari fost il-Maltin (kif baqgħet popolari fost il-Griegi). Huma jarawha bħala munita li tippermettilhom jivvjaġġaw u jinnegozjaw mingħajr wisq xkiel mal-Ewropa kollha – ħaġa li hi wkoll minnha.
Għal li ġej, x’se jkunu l-isfidi quddiem l-ewro? Kif se jintlaqgħu? L-isfidi u s-soluzzjonijiet għalihom – kif se jolqtuna?
Mhux ħaġa faċli twieġeb għal dawn il-mistoqsijiet mingħajr ma tagħmel ċertu tbassir, li xi kultant ikollu jkun wisq fl-ajru. Fl-aħħar snin, wara ż-żmien ta’ kriżi, iż-żona tal-ewro reġgħet irkuprat. L-ekonomiji tal-pajjiżi membri reġgħu bdew jikbru u baqgħu jagħmlu hekk għal sena wara l-oħra. Veru: it-tkabbir ma kienx bir-rati li rajna u qed naraw f’Malta – kienu ħafna anqas. Imma tqiesu minn kulħadd bħala sodisfaċenti sew.
Sadattant, baqgħu jiġu konsolidati l-miżuri li ttieħdu waqt is-snin ta’ kriżi biex iħarsu liż-żona ewro mit-twegħir. Twaqqaf fond li jkun bil-lest jiddefendi t-teżoreriji tal-istati li jsibu ruħhom f’diffikultajiet finanzjarji. Bdiet tinbena sistema maħsuba biex tagħmel l-istess ħaġa mal-banek Ewropej, fil-bini ta’ unjoni bankarja Ewropea. Din l-unjoni kellha tinkludi skema ta’ garanziji għad-depożiti li jagħmlu ċ-ċittadini fil-banek Ewropej. Imma sal-lum, il-miżuri ppjanati għadhom lura fuq diversi punti.
Biex inkunu għedna kollox, minkejja l-piżijiet li ġabet magħha, il-munita tal-ewro baqgħet popolari fost il-Maltin
Aktar minn hekk, il-fehma ta’ ħafna hi li anke jekk il-miżuri ppjanati jitwettqu kollha kif suppost, xorta waħda ż-żona tal-ewro tibqa’ vulnerabbli għall-kriżijiet li jistgħu jinqalgħu. Għadhom jonqsuha l-poteri li jeżistu f’artijiet oħra fejn titmexxa munita waħda, bħal fl-Istati Uniti bid-dollaru. Rapporti wara rapporti li saru fl-aħħar snin, saħqu fost oħrajn, fuq il-ħtieġa li ż-żona tal-ewro jkollha l-baġit tagħha, ministru tal-finanzi għaliha u Bank Ċentrali Ewropew b’poteri akbar milli hu għandu sa issa.
Il-bużillis qiegħed fil-fatt li miżuri bħal dawn, ifissru li l-pajjiżi membri taż-żona tal-ewro jridu jċedu aktar mis-sovranità tagħhom. Hi mixja lejn il-“federaliżmu” li anke dawk li jirrakomandawha, jibqgħu lura minnha malli jkollhom iwettquha. Għaldaqstant fiż-żmien li ġej, se tibqa bħala l-“logħba” ċentrali tal-ewro dik li l-pajjiżi membri jaraw kif se jillapazzaw hekk kif ikollhom iwettqu deċiżjonijiet li diġà ħadu dwar l-unjoni bankarja u għat-tfassil ta’ miżuri ġodda mitqiesa bħala meħtieġa biex l-ewro jissaħħaħ.
Hawn, l-inkwiet hu: x’jiġri jekk fil-frattemp, tfaqqa’ kriżi finanzjarja oħra, qawwija, li żgur mhux se tkun bħal ta’ qabilha?
Surplus
Fil-każ ta’ Malta, wara l-bidla fil-gvern fl-2013, żvintaw id-dwejjaq bil-miżuri meħuda biex jiġu rispettati r-regoli taż-żona tal-ewro dwar il-finanzi tal-gvern. Dan għax il-Gvern Laburista għaraf kif malajr malajr jissodisfa dawn ir-regoli. M’għandniex l-ispazju hawn biex nidħlu fi spjega ta’ x’għamel għal dan. Li nistgħu ngħidu hu li mhux biss il-Gvern Laburista rnexxielu f’dil-ħaġa, imma fl-istess waqt, għamel hekk billi mar lil hinn mill-politika ta’ awsterità – ta’ ssikkar taċ-ċinturin – li r-regoli tal-ewro donnhom jimponu fuq il-pajjiżi membri tagħha. Fl-istess waqt, minflok id-deficits li ddominaw it-tmexxija tal-Gvern Nazjonalista ta’ qablu, il-Gvern Laburista ħoloq sitwazzjoni fejn minflok ħofra, irrapporta li qed ikollu surplus, sitwazzjoni li kważi ma tinsab imkien ieħor fiż-żona tal-ewro.
U allura għas-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-pożizzjoni tal-Gvern Malti?
B’kawtela, għandna nappoġġjaw kull miżura li ssaħħaħ il-ħarsien tal-ewro mingħajr ma tnaqqsilna mis-sovranità. Għandna nappoġġjaw politika flessibbli li tippermetti titjib fil-kondizzjonijiet soċjali tal-popli li jużaw l-ewro. Jekk le, u l-qagħda soċjali tagħhom tkompli teħżien, stennew splużjoni politika fl-Ewropa li tkun perikoluża ħafna. Imbagħad, għandna nirreżistu kull miżura li titħaddem skont il-prinċipju tal-istess żarbun li għandu jgħodd għal kulħadd.
Alfred Sant huwa kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew