'Ma nafx kif il-PM għandu l-wiċċ jgħid li l-pajjiż huwa sigur' - Fenech Adami
Beppe Fenech Adami jinsisti li Malta mhijiex sigura u saħaq li l-Gvern qed jaħrab minn din ir-realtà
More in Politika
Beppe Fenech Adami jinsisti li Malta mhijiex sigura u saħaq li l-Gvern qed jaħrab minn din ir-realtà
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami saħaq li l-Prim Ministru qed jaħbi r-realtà meta jgħid li l-pajjiż huwa sigur.
Fenech Adami qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum waranofsinhar fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista li indirizzat b’mod partikolari l-kwistjoni tas-sigurtà u l-kriminalità.
Waqt li għamel referenza b’mod partikolari għall-qtil razzist ta’ Lassana Cisse Souleymane, Fenech Adami saħaq li ma jistax jifhem kif il-Prim Ministru “għandu l-wiċċ” li jgħid li l-pajjiż huwa sigur.
Saħaq li dan mhuwiex il-każ meta nqatlet persuna minħabba l-karnaġġjon tagħha, meta koppja anzjana nsterqet fid-dawl tax-xemx, meta hawn mewġa ta’ serq mid-djar u meta nqatlet ġurnalista għax għamlet xogħolha.
“Il-poplu Malti huwa konxju li minkejja l-kliem sabiħ u l-assigurazzjonijiet foloz, is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż hija li hawn il-kriminalità organizzata fejn in-nies innoċenti qed iħossuhom mhedda,” saħaq id-Deputat Nazzjonalista. “Għandna Gvern li huwa maqtugħ minn din ir-realtà.”
Tkellem ukoll id-Deputat u l-kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar li akkuża l-Gvern li ħa minn idejn il-kunsilli lokali l-infurzar fil-lokalitajiet u li falla milli jiġġieled il-kriminalità.
Fakkar li l-Gvern ma jistax jitwemmen meta jitkellem dwar is-sigurtà imbagħad ivvota kontra l-proposti tal-Oppożizzjoni fil-Parlament għall-introduzzjoni tal-Community Policing u t-Tourism Policing.
Tkellem ukoll dwar il-kritika li rċieva mingħand il-Partit Laburista meta lbieraħ tkellem dwar il-kriminalità fil-Kottonera u saħaq li ġie attriwbit lilu diskors li ma qalx.
Ikkwota rapport dwar id-diskors li għamel il-Prim Ministru fil-Kottonera meta qal li se jkun qed iżid il-preżenza tal-Pulizija għaż-żamma tal-ordni u biex il-kriminalità tkun ikkontrollata fil-Kottonera.
Saħaq li la qed jitkellem fuq infurzar u anke l-kriminalità, fl-istess nifs qiegħed jagħti raġun lill-Oppożizzjoni meta titkellem fuq il-kunċett tal-Community Policing.
Għall-konferenza kien hemm preżenti wkoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dione Borg u Michael Mercieca.