"Is-soluzzjoni hija l-integrazzjoni," qal il-PM u Mexxej Laburista Joseph Muscat li sostna illi "meta tintegra jkollok vera lil Malta f'qalbek." Fakkar illi meta jgħidu li 'Malta mifqugħa bil-barranin' dawk il-barranin "qed jieħdu ħsieb lill-ġenituri tagħna" u "jagħmlu x-xogħolijiet li ħaddieħor ma jridx jagħmel.
Meta kien qed jitkellem ilejla fil-Ħamrun, il-PM sostna li kien hemm min ħaseb illi hija perikoluża li tieħu immigranti f'attività politika, f'referenza għal tfajla Maltija ta' klarnaġġjon iswed li tkellmet qablu. Muscat iddeskriva lil dawk li huma mħassbin minħabba l-immigrazzjoni bħala nies ta' qalbhom tajba u għamel referenza għar-residenti tal-Ħamrun u Birżebbuġa. Hu assigura lill-partitarji preżenti illi se tibqa' ssir ħidma biex il-liġi tkun osservata, ikun min ikun li jiksirha. "Imma dak li ġara qatt ma nistgħu naċċettawh, qatt ma nistgħu naċċettaw li xi ħadd imut minħabba li għandu kulur tal-ġilda differenti," saħaq f'referenza għall-qtil ta' Lassana Cisse Souleymane u l-aħħar żviluppi fil-każ.
"Għandna ċans storiku li nitkellmu favur l-integrazzjoni li forsi sal-lum l-aktar li jitkellmu dwarha huma l-gazzetti bl-Ingliż li joqgħodu ħafna filosofiji dwar il-kwistjoni," qal Muscat f'referanza għall-gazzetti bl-Ingliż li ilhom minn ħafna żmien ilu jitkellmu dwar l-integrazzjoni. "Irridu nagħtu sinjal dwar l-integrazzjoni," qal Muscat.
Huwa reġa qal illi dik tas-Sibt hija għażla bejnu u Adrian Delia li staqsa fejn huwa wiċċu, f'referenza għall-fatt li l-PL tella' l-billboards b'wiċċu madwar il-pajjiż.
"Klassikament l-elezzjonijiet mid-term jintilfu mill-Gvern u allura għandi bżonn l-għajnuna ta' kull wieħed u waħda minnkom," sostna Muscat li qal illi l-Gvern żamm kelmtu u għamel dak li wiegħed.