'L-iskuża li ġabet l-Armata kienet tal-mistħija' - Adrian Delia
Adrian Delia jinsisti li dwar l-arrest taż-żewġ suldati akkużati bil-qtil razzist ta' immigrant hemm responsabbilitajiet x'jintrefgħu
minn Yendrick Cioffi
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li “l-iskuża” li ġabet l-Armata llum wara l-arrest taż-żewġ suldati akkużati bil-qtil razzist ta’ Lassana Cisse Souleymane "hija tal-mistħija u tal-biża'."
Aktar kmieni llum, l-Armata rreaġixxiet għall-arrest tas-suldati fosthom dwar il-fatt li wieħed mis-suldati huwa reċidiv hekk kif kien instab ħati ta’ reat ieħor.
Fl-istqarrija tagħha, l-armata qalet li “l-każ ma kienx meqjus wieħed gravi li jimmerita tkeċċija,” u li l-każ kien seħħ qabel, bis-sentenza tinqata’ wara li l-akkużat daħal fl-armata.
Madanakollu, waqt attività politika f’San Ġiljan, Adrian Delia kkundanna dan u saħaq li kwalunkwe persuna li jfittex xogħol, ikun xi jkun, isibha diffiċli jekk il-kondotta tiegħu tkun imtappna.
“Il-kundanna qed jarmuha u jfarfruha li kienet xi ħaġa żgħira,” saħaq Adrian Delia u kien għalhekk li saħaq li l-iskuża li għamlet l-armata kienet waħda tal-mistħija.
Delia jisħaq li hemm responsabbilitajiet x'jintrefgħu
Irrefera għas-sejħa li qed tagħmel l-Oppożizzjoni għal investigazzjoni indipendenti biex ikun stabbilit jekk dan il-każ setax kien evitat. Fi kliem Delia, filwaqt li l-Gvern qed jipprova jiskarta dan, hemm mistoqsijiet x’jiġu mwieġba u responsabbilitajiet iridu jintrefgħu.
Akkuża lill-Gvern li wara li tilef ir-ruħ soċjali tiegħu, qed itellef lill-pajjiż mill-fibra morali wkoll għax fi kliemu “il-ħajja ma saret tfisser xejn.”
“Trid tintrefa’ r-responsabbilità ... ma nistgħux nibqgħu nħallu lill-vittmi mingħajr ma tittieħed responsabbilità,” insista l-Kap Nazzjonalista.
Filwaqt li rringrazzja lill-maġġoranza tal-Armata, għadda biex jitkellem dwar ir-rapport tal-Ombudsman fuq il-promozzjonijiet fl-armata u insista li l-kundanna kienet waħda ċara.
'Tħallux lil Joseph Muscat jidħol fil-kaxxa tal-voti'
Akkuża lill-Gvern li apparti, li fi kliemu, ħataf l-Avukat Ġenerali, l-FIAU, l-MFSA, lill-Qrati u lill-Pulizija, ħataf ukoll l-Armata.
“Irid jieqaf iż-żmien fejn dan il-Gvern inessi u jixtri lil kulħadd,” insista l-Kap tal-Oppożizzjoni. “Irridu jintrefgħu r-responsabbilitajiet politiċi,” kompla jisħaq waqt li saħaq li f’pajjiżi oħra Ewropej, fuq affarijiet ħafna inqas serji, ikun hemm min jerfa’ r-responsabbilità.
Jiena ma rridkomx miegħi. Jiena rrid li nkun magħkom. Aħna ma nemmnux li intom għall-partit. Aħna nemmnu li l-partit huwa intom
Kien għalhekk li appella lil dawk preżenti biex jassiguraw li l-Gvern ma jaħtafx il-vot tagħhom ukoll.
“Ifhmu x’qed jiġri fil-pajjiż. Tħallux li fil-kaxxa tal-voti jidħol Joseph Muscat. Tħallux li jivvota għalikom Konrad Mizzi. Kunu intom li tiddeċiedu,” insista Delia.
Irrefera għall-aħħar billboard tal-Partit Laburista u l-messaġġ ta’ Joseph Muscat: “Erġgħu kunu miegħi.”
“Jiena ma rridkomx miegħi. Jiena rrid li nkun magħhom. Aħna ma nemmnux li intom għall-partit. Aħna nemmnu li l-partit huwa intom,” insista Delia waqt li appella lin-Nazzjonalisti biex jagħmlu kuraġġ.
‘Muscat kien daħħal f’moħħ il-Maltin li l-immigranti ma jistgħux jibqgħu jidħlu’ - Fenech Adami
Tul l-attività tkellem id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li wkoll irrefera għall-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane u saħaq li kien Joseph Muscat, li llum qed jikkundanna dan il-każ, li daħħal f’moħħ il-Maltin li l-immigranti ma jistgħux jibqgħu jidħlu Malta.
Insista li fi żmien il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, kien Muscat li kien iwiegħed il-pushback u wettaq il-pushback biex “ikun popolari man-nies li issa jrid jikkundanna.”
Tkellem dwar is-sigurtà f’pajjiżna u rrefera għal dak li qal aktar kmieni llum waqt konferenza tal-aħbarijiet, li Malta ma għadux pajjiż sigur.
Irrefera għal dak li kkampanja dwaru l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat fosthom il-ġlieda għall-ħajja u l-ġlieda kontra l-kanċer.
Saħaq li hu stess għadda mill-marda tal-kanċer u esperjenza dak li jgħaddu minnu l-pazjenti u kien għalhekk li insista li huma ġusti l-argumenti u l-ġlieda li qed iwiegħed li jagħmel il-Partit Nazzjonalista.
Insista li kull ewro li ntefqet fil-korruzzjoni setgħet intefqet biex tinstab kura għall-kanċer.
‘Insellem lil Simon Busuttil u nixtiequ jkun magħna wkoll’ – Robert Arrigo
Tul l-intervent tiegħu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo tkellem dwar il-bżonn li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jiġġieled il-korruzzjoni.
Sellem lill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u saħaq li l-Partit Nazzjonalista, fl-aħħar xhur, kompla fuq il-passi tiegħu u filwaqt li sellilmu, saħaq li “nixtiequ li jkun magħna wkoll.”
Tkellem b’mod partikolari dwar id-disa’ u l-għaxar distrett u filwaqt li insista li t-tmexxija l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista ħadmet ħafna, appella lil kulħadd, partikolarmant lil dawn tad-disa’ u l-għaxar distrett, li jinkludu l-akbar fortizzi Nazzjonalisti, biex jagħtu l-fiduċja tagħhom lill-Partit Nazzjonalista.
“Ħaqqna l-fiduċja tagħkom,” insista Arrigo.
Tul id-diskors tiegħu tkellem ukoll dwar il-qtil f’Malta tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u ħeġġeġ lil dawk li jagħmlu l-vġili kull sittax tax-xahar biex ikomplu jiltaqgħu u jwasslu l-messaġġ tagħhom.
“Żommu dawn il-vġili għal Daphne u mhux għal affarijiet oħra,” appellalhom Arrigo.
Tul l-attività tkellmu wkoll il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight u Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech li kollha kemm huma waslu messaġġi mqanqla għall-votanti ta’ dawn il-lokalitajiet.