Sas-sagħtejn ta' waranofsinhar kienu ivvutaw inqas votanti minn ħames snin ilu f'kull distrett, ħlief it-tmien distrett, inkluż dawk fejn il-maġġoranza jivvutaw lill-Partit Laburista. Minkejja dan, kien l-10 distrett, jew inkella dak illi fih hemm Tas Sliema, illi l-aktar li kien hemm tnaqqis fih meta tqabbel ma' ħames snin ilu filwaqt li t-12-il distrett kien l-inqas wieħed illi fih marru jivvotaw nies. It-12-il distrett jinkludi lil San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa.
L-10 distrett huwa meqjus bħala l-aktar distrett 'Nazzjonalista' flimkien mad-disa' distrett.
Dan it-tnaqqis huwa kkumparat ma' ħames snin ilu, meta saret elezzjoni tal-Parlament Ewropew ukoll. It-tnaqqis, kieku kkumparat mal-elezzjoni ġenerali tal-2017, ikun ħafna ikbar.
L-Ewwel Distrett ra tnaqqis ta' 2.8% biex sas-sagħtejn kienu vvutaw 36.8%. Ta' min wieħed jiftakar illi dan id-distrett irreġistra wkoll persentaġġ konsiderevoli ta' votanti li ma ġabrux il-vot u allura ma setgħux jivvotaw. Fit-tielet distrett, li jinkludi ż-Żejtun u Ħal Għaxaq, kien hemm tnaqqis ta' 1.9% meta kkumparat ma' ħames snin ilu, biex b'kollox ivvutaw 31.4% sa dan il-ħin. Dan ifisser illi dan id-distrett kien l-inqas distrett li fih ivvutaw nies sas-sagħtejn ta' waranofsinhar mid-distretti tan-naħa ta' isfel.
Fir-raba' distrett kien hemm ukoll tnaqqis ta' 3% biex kienu vvutaw 35.3% sa' dan il-ħin. Fil-ħames distrett, li jinkludi liż-Żurrieq u Birżebbuġa, vvutaw 31.9% jew 0.6% inqas mill-2014.
Fis-seba' distrett kien hemm ukoll tnaqqis ta' 0.4% biex ivvutaw 31.6% b'kollox. It-tmien distrett, li jinkorpora lil Birkirkara, kien l-unika wieħed illi fih kien hemm żieda, ta' 1.1%. Dan minkejja li għall-kunsilli lokali f'Birkirkara vvutaw 13% inqas sas-sagħtejn.
Fit-tieni distrett, l-aktar distrett Laburist, sal-istess ħin kienu vvutaw 35%, jew tnaqqis ta' 0.3%. Fl-10 distrett iżda kien hemm tnaqqis qawwi ta' 6.2% fejn ħarġu jivvutaw 29.6% tal-votanti.
L-inqas li vvutaw nies kien fit-12-il Distrett li jinkorpora fih lil San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa fejn ħarġu jivvutaw biss 26.8%, li huwa 1.8% inqas mill-2014.