Editorjal Speċjali | Il-poplu ddeċieda u għażel lil Labour bil-kbir

'Il-Partit Nazzjonalista qisu pazjent li wasal fl-aħħar mumenti u li għandu bżonn intervent urġenti ħafna. Intervent li se jweġġa u li fih se joħroġ ħafna demm, imma li huwa imperattiv li jsir'

L-għadd tal-voti issa għalaq u l-għażla saret. Bla dubju dawk li vvutaw għażlu lill-Partit Laburista, l-kandidati tal-Partit Laburista u lill-politika ta’ Joseph Muscat. Idur kemm ikun hemm min idur magħha r-riżultat tal-lum, li qed jingħad illi jlaħħaq distakk ta’ madwar 45,000, huwa ċertifikat mill-awqa lill-politika tal-Gvern Laburista.

Wara l-għajjat u ċ-ċapċip ta’ min rebaħ u wara d-dieqa ta’ min tilef, il-pajjiż ikompli għaddej, irid ikompli jitmexxa minn dan il-Gvern Laburista u jrid ikompli jingħata direzzjoni. Il-ħaddiem jerġa’ jmur ix-xogħol u min iħaddem ikompli għaddej b’ħidmietu wkoll.

Il-politiċi iżda jkollhom jieqfu u jieħdu kont.

Nibdew b’Adrian Delia. Dan kien l-ewwel test tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u allura ir-riżultat tal-lum se jimpatta mhux ftit il-pożizzjoni tiegħu bħala Kap.

Din it-telfa devastanti b’distakk li huwa ikbar minn dak li tilef bih fl-2017 huwa predikment ikrah għal Delia. Intbagħat il-messaġġ li b’Delia l-partit mar lura minn sitwazzjoni li kienet diġà gravi ħafna

Din it-telfa devastanti b’distakk li huwa ikbar minn dak li tilef bih fl-2017 huwa predikment ikrah għal Delia. Intbagħat il-messaġġ li b’Delia l-partit mar lura minn sitwazzjoni li kienet diġà gravi ħafna. Id-daqqa li ħa l-PN hija waħda kerha ħafna u jekk ma tingħatax id-duwa kemm jista’ jkun malajr hemm biża’ illi din id-daqqa tkun mortali.

Jitla’ min jitla’ mill-PN iktar tard illum huwa importanti li kulħadd jiftakar illi isem pajjiżna huwa importanti u huwa importanti li isem pajjiżna ma jibqax jitniżżel fil-ħama. Veru li isem pajjiżna ma waqax fil-ħama biss minħabba l-ħidma tal-MEPs Nazzjonalisti imma wkoll u speċjalment minħabba l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-fatt illi isem Ministru Malti deher fuq il-Panama Papers. Imma il-fatt li żewġ MEPs partikolari komplew ikebbsu n-nar ma tantx għenu. Il-fatt illi pajjiżna kien ikkritikat u saret ħafna pressjoni fuqu, fuq materji illi mhumiex ta’ Malta biss, mhuwiex ġust. Mhuwiex ġust li Malta tiġi kkritikata fuq il-korruzzjoni daqs li kieku hawn biss hawn il-korruzzjoni. Mhux ġust li Malta tkun ikkritikata dwar il-ħasil ta’ flus u daqslikieku Malta biss hawn dawn il-prattiċi u daqslikieku Malta hija ċ-ċentru tal-ħasil ta’ flus.

Vera li l-Gvern m’għenx ruħu, imma lanqas għenu lil pajjiżna dawk  li kebbsu n-nar biex kabbru l-fjamma.

Delia jeħtieġ jara li dan ma jerġax jiġri.

Muscat laħaq il-quċċata politika ugħadda lil kull kap u mexxej politiku ieħor f’termini ta’ voti

Min-naħa l-oħra għandna lil Joseph Muscat. Għal Muscat dan id-distakk ifisser rebħa enormi għall-Partit Laburista u rekord elettorali ta’ kull żmien. Muscat laħaq il-quċċata politika ugħadda lil kull kap u mexxej politiku ieħor f’termini ta’ voti.

Fil-verità dan ir-riżultat qed joffri l-aqwa ambjent politiku u opportunità biex Muscat jitlaq. Dik tal-bieraħ kienet xi ftit ta’ xafra taqta’ miż-żewġ naħat għal-Laburisti; minn naħa jridu lil Muscat jibqa’ jmexxi lill-Partit Laburista bil-qawwi u min-naħa l-oħra jixtiquh jagħmel suċċess kbir, mill-ġdid, illum.

Dak tal-lum huwa sinjal ċar illi dan il-politiku huwa rebbieħ ta’ dejjem u se jkun diffiċli jew mhux kważi impossibbli li jitlef elezzjoni.

Muscat, apparti li huwa politiku tajjeb ħafna b’kapaċitajiet komunikattivi eċċellenti, sab Oppożizzjoni li tinsab f’qagħda dgħajfa u xi ftit jew wisq maqsuma bejn dawk li jridu u dawk li ma jridux lil Delia.

Żgur illi fil-ħin li ġej se naraw l-ewwel kummenti ta’ Adrian Delia.

Delia se jkollu jaħseb sew u jixtarr sew il-pożizzjoni tiegħu. L-ebda ammont ta’ ċaħda tal-verità jew inkella nuqqas ta’ azzjoni ma tista’ tneħħi mill-fatt illi l-Partit Nazzjonalista qisu pazjent li wasal fl-aħħar mumenti u li għandu bżonn intervent urġenti ħafna. Intervent li se jweġġa u li fih se joħroġ ħafna demm, imma li huwa imperattiv li jsir.

 

More in Politika