Opinjoni | Riżultat li jixraqlu analiżi serja u oġġettiva

Il-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jgħaddi minn proċess ta’ fejqan u ta’ għaqda

L-elezzjonijiet riċenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Lokali taw riżultat ċar. M'hemm l-ebda dubju dwar in-numri, u issa hu opportun biex issir analiżi u eżerċizzju tar-riflessjoni. Il-Partit Laburista (PL) iċċelebra r-rebħ waqt li l-Partit Nazzjonalista (PN) jinsab fil-proċess li jifhem x’wassal għall-akbar telfa elettorali fl-istorja tiegħu. Kif mistenni, il-partiti l-oħra kollha, marru pjuttost ħażin, bl-eċċezzjoni ta’ Imperium Europa (IE) li rnexxielhom jiksbu iktar minn 8,000 vot.

Waħda mill-ewwel osservazzjonijiet li toħroġ ċara mir-riżultat hu li l-PL laħaq il-punt massimu tiegħu. Minkejja kampanja ta’ ħafna flus u aggressiva, u l-fatt li l-partit għandu l-poter tal-gvern f’idejh, il-PL ma rnexxielux iżid il-voti b’mod sinifikanti fl-elezzjoni tal-PE, għalkemm żamm bejn wieħed u ieħor - l-istess perċentwali ta' voti bħalma għamel fiż-żewġ elezzjonijiet preċedenti li saru fl-2009 u l-2014. Il-PL għandu bażi b'saħħitha, li ġiet ikkonfermata mill-ġdid f’dawn l-elezzjonijiet, biss ma komplietx tikber.

Min-naħa l-oħra, il-PN ra l-persentaġġ tal-vot tiegħu ta’ 40% miksub fit-tliet elezzjonijiet tal-passat jinżel għal 38%, u b'hekk ħoloq l-akbar distakk bejn iż-żewġ partiti ewlenin fl-istorja elettorali tagħna.

Vox Pop - in-nies tkellmu, u n-numri ma jigdbux. Fil-25 ta’ Mejju, 371,456 persuna kellhom id-dritt jivvutaw. Minn dawn l-141,267 ivvutaw PL filwaqt li 230,189 ma vvutawx lill-PL - uħud billi vvotaw PN, oħrajn vvutaw għall-partiti żgħar u oħrajn, 110,434 minnhom, billi baqgħu d-dar. 9,810 votanti tefgħu vot invalidu.

Muscat żamm il-voti tiegħu, biss intlaħaq il-punt ta' saturazzjoni u jidher li m'hemm l-ebda jew ftit lok għal tkabbir. Ċertament konsolazzjoni fqira għall-Partit Nazzjonalista f'dan il-mument

Dan ifisser li minkejja l-kampanja presidenzjali tiegħu u minkejja l-vantaġġi u l-wegħdiet kollha li nħarġu matul il-kampanja elettorali, Joseph Muscat ma appellax lil 230,189 votant Malti. Muscat żamm il-voti tiegħu biss intlaħaq il-punt ta' saturazzjoni u jidher li m'hemm l-ebda jew ftit lok għal tkabbir. Ċertament konsolazzjoni fqira għall-Partit Nazzjonalista f'dan il-mument, iżda fattur relevanti ħafna li ma jistax jiġi injorat f'xi analiżi serja u oġġettiva li titwettaq bil-kalma mingħajr perspettivi partiġġjani.

It-tnaqqis fin-numru ta' nies li marru jivvutaw huwa fattur interessanti ieħor fl-analiżi tar-riżultati, partikolarment meta wieħed iħares lejn id-distretti li rreġistraw l-ogħla tnaqqis. Osservajt sinjal qawwi matul il-kampanja u kelli diffikultà nikkonvinċi ħafna partitarji tal-partit biex imorru jivvotaw. Xi wħud eventwalment għamlu, imma biċċa kbira kienet determinata li ma tagħmilx hekk. F'dan ix-xenarju nara messaġġ qawwi li l-elettorat ta, mhux lill-Partit Laburista iżda lill-Partit Nazzjonalista. Il-messaġġ hu ċar: “Aħna mhux se nivvutaw PL, imma l-Partit Nazzjonalista m'għadux id-dar naturali tagħna għall-inqas għalissa.”

Hemm forza politika hemmhekk li hija akbar, ħafna ikbar mill-forza li tiġbor wara Joseph Muscat. Tista' saħansitra ssejħilha 'l-maġġoranza siekta ta' Malta li teħtieġ li tingħata vuċi effettiva. Dawk li jridu lil Muscat jgħidu dan fil-miftuħ, għandhom wiċċ u jistgħu jingħaddu. Huma kompatti u mobilizzati, iżda huma li huma jew għall-inqas viċin il-punt ta' saturazzjoni. U ladarba jintlaħaq il-punt ta' saturazzjoni ma jistax jikber iktar, mhux għall-inqas fl-istat preżenti tiegħu. L-affarijiet jistgħu jinbidlu jekk Muscat jiddeċiedi li jitlaq u jkun hemm mexxej ġdid. Iżda għal darb'oħra għadu kmieni wisq biex wieħed ibassar kif dan se jibdel il-bażi ta’ appoġġ tal-Partit Laburista.

Dak li aħna nafu hu li dan ir-riżultat tal-elezzjoni, qares fit-togħma, huwa opportunità għall-pajjiż daqs kemm hu dgħufija. Pajjiżna tqiegħed taħt il-loppju politiku bis-sensazzjoni ta’ ekonomija b’saħħitha riżultat ta’ ekonomija bbażata fuq żvilupp bla rażan, korruzzjoni istituzzjonalizzata u etika tan-negozju fejn tagħmel li trid. Xi nies ġew imħajra jissieħbu f'dan il-moviment u għamlu dan f'numru sinifikanti. Oħrajn, ħafna oħrajn, jibqgħu diżillużi u maqtugħin. Nisperaw li nistennew fattur li jgħaqqad u jgħinhom jitolbu pajjiżhom lura, qabel ma jkun tard wisq. U iktar ma tkun ifframmentata l-oppożizzjoni, iktar ma ssir profonda l-anestesija, u b'hekk l-impenn jidher impossibbli.

Il-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jgħaddi minn proċess ta’ fejqan u ta’ għaqda li permezz tiegħu jkun jista’ jimmassimizza l-użu tar-riżorsi, talenti, u anke personalitajiet differenti tiegħu

F'dan l-istadju, il-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jgħaddi minn proċess ta’ fejqan u ta’ għaqda li permezz tiegħu jkun jista’ jimmassimizza l-użu tar-riżorsi, talenti, u anke personalitajiet differenti tiegħu sabiex jifforma għal darb'oħra mużajk li hu l-iktar b'saħħu mhux biss għall-fatt li l-komponenti differenti tiegħu qed ileqqu fil-forom u lwien differenti rispettivi tagħhom, iżda għall-fatt li dawk il-komponenti huma mwaħħla flimkien biex jiffurmaw viżjoni waħda, viżjoni waħda li tindirizza l-futur ta’ pajjiżna u anke aktar importanti sfidi li se jolqtuna anke aktar kmieni milli nistgħu nimmaġinaw issa.

Il-Partit Nazzjonalista jrid jagħmel dan il-proċess mhux daqstant għalih nnifsu iżda fl-interess ta’ pajjiżu u tad-demokrazija. Fi ħdan dan il-proċess, irridu nimpenjaw ruħna mill-ġdid mas-soċjetà ċivili kollha u ma' votanti li għażlu li jibqgħu d-dar. Dawk il-votanti ma jistgħux jissejħu bħala oġġetti li wieħed jippossjedi u li ntilfu daqslikieku hemm xi "lost and found" li nistgħu nirrikorru għalih, imma bħala bnedmin li jridu jinstemgħu u nitgħallmu minnhom.

Jekk il-proċess jitwettaq b’mod ġenwin, m'hemm l-ebda raġuni għalfejn il-komponenti differenti ma jistgħux għal darb'oħra mhux biss jikkomunikaw b'mod pożittiv ma' xulxin iżda jaħdmu flimkien lejn għan aħħari wieħed: dak li jissalvagwardjaw il-futur ta' Malta.

Francis Zammit Dimech huwa eks Ministru u eks Ewroparlamentari Nazzjonalista

More in Politika