Analiżi | Dalli: tielgħa u tielgħa. Imma biżżejjed biex tilħaq it-tron?

Miriam Dalli nħatret Viċi President tas-Soċjalisti u Demokratiċi Ewropej. Kariga prestiġjuża ma’ bosta oħrajn li għandha. Imma biżżejjed biex tkun l-għażla awtomatika bħala suċċessur ta’ Muscat?

Il-ġimgħa li għaddiet tħabbar illi Miriam Dalli, Kap tad-Delegazzjoni tal-PL fil-Parlament Ewropew, issa ġiet magħżula bħala Viċi President tas-Soċjalisti Ewropej biex hija l-ewwel MEP Maltija li ngħatat kariga daqstant għolja fl-istrutturi ta’ partit Ewropew.

Bla dubju li din il-kariga qed tagħti palata enormi liċ-ċans ta’ Dalli kemm-il darba Muscat ma jibqax Prim Ministru.

F’dan l-ispazju se nagħtu ħarsa lejn il-kredenzjali ta’ Miriam Dalli u għaliex tinsab fuq quddiem nett ta’ tiġrija li għadna m’aħniex ċerti hix se tibda jew le. Se nagħtu ħarsa wkoll lejn dak li m’għandhiex jew fejn Dalli għadha lura kkumparata ma’ dawk li s’issa qed jissemmew bħala kandidati prospettivi f’din l-istess tiġrija.

Dalli fuq quddiem fil-popolarità fost il-Laburisti

Miriam Dalli hija l-aktar kandidat Laburista li qatt kisbet voti f’kull tip ta’ elezzjoni u hija l-aktar kandidata li kisbet voti f’isem il-Partit Laburista f’elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

B’63,438 vot hija saħansitra qabżet lill-eks PM Laburista Alfred Sant, biex il-popolarità tagħha kompliet tikber f’temp ta’ ftit snin. Hija kabbret il-vot tagħha b’40,000 vot f’ħames snin hekk kif fl-2014 kienet kisbet ftit iktar minn 23,000 vot .

L-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kienet l-isbaħ ċertifikat lil Dalli mingħand il-Laburisti.

Iċ-ċirasa fuq il-kejk: il-kariga fl-S&D

Minkejja li l-ismijiet l-oħra li qed jissemmew għall-kontestazzjoni tat-tmexxija (jekk din issir) huma lkoll ministri, Dalli ma kinitx nieqsa mill-promozzjonijiet mill-partit tagħha stess, lokalment u fuq bażi Ewropea.

Dalli ngħatat ir-responsabilità li tmexxi l-inizjattiva LEAD li tipprepara nisa għad-dinja tal-politika u ftit wara l-elezzjoni ta’ dax-xahar kienet maħtura Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew. Iċ-ċirasa fuq il-kejk hija l-ħatra tal-kariga prestiġjuża fil-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi, li fil-fatt hija l-aqwa kariga li għandu MEP Malti fl-istrutturi politiċi Ewropej.

Dawn il-karigi, imma speċjalment l-aħħar, jagħtu kredibbilità u saħħa lill-immaġini ta’ din il-mara.

Il-ġeneru u d-dehra

Għalkemm suppost il-ġeneru u bil-wisq inqas id-dehra ma jagħmlux differenza f’għażla ta’ kap ta’ partit, fil-verità differenza tagħmel għal raġunijiet diversi, fosthom storiċi.

Il-ġeneru jagħmel differenza għaliex jekk id-delegati u t-tesserati tal-Partit Laburista jagħżlu lil Dalli jkunu għażlu l-ewwel Prim Ministru mara fl-istorja politika moderna ta’ Malta. B’Dalli l-PL ikun qed jagħmel l-istorja mill-ġdid.

Id-dehra ta’ Dalli hija waħda li tattira lin-nies; pulita, b’dehra ta’ mara liberali u moderna u xi ħadd li faċli tkellem. Għalkemm id-dehra ma tagħmilx mexxej, żgur illi tgħin lil politiku biex jasal iktar ’il quddiem f’dinja fejn dak li jidher jingħata importanza kbira.

Id-dehra ilha parti mill-armament politiku ta’ partit u ta’ kap/mexxej, tant hu hekk li jekk imorru lura 20 sena, jiġifieri fl-1996, insibu li Alfred Sant kien uża s-servizzi tal-Amerikan Phil Noble li kien ħa ħsieb, b’suċċess, id-dehra tan-‘New Labour’.

L-immaġini tal-Partit Laburista llum ukoll lagħbet parti importanti fis-suċċessi ta’ Muscat.

Sens ta’ kontinwità

Teżisti l-idea, jekk hux vera jew le hija kwistjoni oħra, li Dalli hija maqtugħa mill-istess pezza drapp li minnha maqtugħ Joseph Muscat, kemm fil-ħsieb, fil-mod kif tipproġetta lilha nnifisha kif ukoll fiċ-ċrieki li probabilment ikollha madwarha kieku ssir Prim Ministru.

Hemm l-idea li aktar minn kulħadd, b’Dalli jkun hemm kontinwazzjoni tal-legat ta’ Muscat u tan-nies l-aktar li huma qrib tiegħu, fosthom dawk li eleva fiċ-ċrieki tal-poter.

Id-dibattitu fuq Xarabank

Il-kampanja elettorali li għadha kif għaddiet għamlet il-ġid lil Dalli, b’mod speċjali b’dehriet b’saħħithom li kellha. L-aktar dehra b’saħħitha kienet fuq Xarabank ma’ Roberta Metsola, meta kienet kixfet vot tal-MEPs tal-PN dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxa u l-ġurisprudeza nazzjonali dwar dan il-qasam.

Anke jekk jirriżulta li l-istess MEPs ivvutaw kontra r-rapport kollu kemm hu, inkluż din l-emenda partikolari, il-fatt li Metsola ma kinitx kapaċi tirrispondi immedjatament fuq programm li kienu qed jarawh eluf ta’ nies, anzi dehret konfuża, fisser illi Dalli għamlet kapital  politiku kbir.

Imma m’għandhiex ministeru

Kuntrarjament għal Ian Borg u Chris Fearne, li qed jissemmew bħala kandidati prospettivi jekk issir elezzjoni għat-tmexxija fil-PL, Dalli m’għandhiex Ministeru.

Dan huwa żvantaġġ konsiderevoli għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett ministeru jtik iċ-ċans li turi riżultati fil-qasam tiegħek u tgħid li inti politiku li twettaq, kif qed jagħmel Ian Borg bil-kampanja ‘Getting Things Done’. Borg qed imexxi ministeru li qed iħalli ħafna riżultati, b’ħafna toroq irranġati, maqlugħin jew isiru mill-ġdid madwar Malta kollha. Dan apparti li għandu wkoll taħtu l-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-qasam ta’ Fearne, jiġifieri s-saħħa, tant hu kbir u tant imiss nies li jagħtih vantaġġ qawwi. Apparti l-bżonnijiet ta’ kuljum tan-nies Fearne għandu wkoll ċerti proġetti ta’ prestiġju, fosthom dak tal-iskola ta’ Barts li dwarhom jista’ jieħu l-krettu.

Dawn il-portafolli jagħtu poter li Dalli m’għandhiex, dak li nsejħulu l-power incumbency, jiġifieri l-possibilità li Fearne u Borg ikunu ttentati jużaw il-portafolli kruċjali u estensivi tagħhom għall-vantaġġ politiku tagħhom.

Il-ġeneru

F’kaxxa differenti semmejna l-ġeneru bħala vantaġġ għal Dalli. Imma daqs kemm hu vantaġġ daqstant ieħor jista’ jkun  żvantaġġ.

Minkejja passi ’l quddiem fi drittijiet ċivili u ugwaljanza bejn is-sessi, wieħed ma jistax jinjora l-fatt li għad hemm min iħossu skomdu jew inċert b’mara f’pożizzjoni għolja bħal dik ta’ Prim Ministru.

Għalkemm mhux xi fattur determinanti, jew ma jidhirx hekk speċjalment fid-dawl tar-riżultat fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, dan is-sentiment jista’ jagħmel xi ftit ta’ differenza jekk ir-riżultat ikun viċin.

Nuqqas ta’ esperjenza fix-xena lokali

Problema oħra li jista’ jkollha Dalli hija li tkun perċeputa bħala persuna li m’għandhiex l-esperjenza meħtieġa biex topera u aktar u aktar, biex tmexxi fil-kuntest lokali. Hemm differenza sostanzjali bejn suċċessi fl-Unjoni Ewropea u fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u x-xenarju politiku lokali.

L-aqwa eżempju ta’ dan huwa Simon Busuttil li s’issa għad għandu rekord assolut ta’ voti f’elezzjoni tal-Parlament Ewropew (68,782 vot). Minkejja dan hu m’għamilx suċċessi f’elezzjonijiet lokali, fil-fatt tilef kull waħda bil-kbir.

Huwa vera li Busuttil sab partit li diġà kien tilef b’36,000 vot filwaqt li Dalli, f’xenarju ipotetiku li ssir Mexxej Laburista, issib Partit Laburista b’saħħtu ħafna. Imma dan ma jfissirx li t-tqabbil bejn Busuttil u Dalli ma jagħmilx sens.

Il-fatt li eluf ta’ Laburisti taw lil Dalli ċertifikat pożittiv fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ma jfissirx li saret awtomatikament l-għażla tal-Laburisti għat-tmexxija, anke jekk kif diġà għidna li dan jagħtiha vantaġġ.

More in Politika