Delia u l-Labour f'botti u risposti dwar il-governanza f'pajjiżna

Il-PN jgħid li se jibqa' jaħdem biex pajjiżna jerġa jikseb ir-reputazzjoni, imma l-PL jgħidlu li għalxejn qed jipprova jintogħġob ...

Iż-żewġ partiti reġgħu ħarġu x-xwabel u bdew serje ta' botti u risposti dwar il-governanza, kwistjoni illi issa ilha fuq l-aġenda tal-pajjiż. Din il-botta u risposta hija frott rapport ieħor dwar Malta, din id-darba mill-Kunsill tal-Ewropa, liema rapport jagħmel osservazzjonijiet u implikazzjonijiet pjuttost serji, speċjalment fid-dawl tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

Ir-rapport jitlob lill-Prim Ministru jiftaħ inkjesta indipendenti dwar il-qtil tal-ġurnalista. 

"L-approvazzjoni tar-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f'pajjiżna, hija kundanna għall-Gvern Malti għall-mod kif qed jhedded id-demokrazija b'kultura ta' impunità." Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia dwar dan ir-rapport

Il-Kunsill tal-Ewropa jikkonkludi li l-proposta tal-Gvern li jaqsam l-irwol tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tonqos milli tilħaq l-ispirtu tar-rakkomandazzjoni li kienet saret mill-Kummissjoni Venezja.

Ir-rapport jerġa' jikkonferma l-konklużjonijiet ta' bosta rapporti oħra li jirrimarkaw kif l-istituzzjonijiet f'pajjiżna jinsabu kkontrollati mill-Gvern Partit Nazzjonalista

"Ir-rapport jerġa' jikkonferma l-konklużjonijiet ta' bosta rapporti oħra li jirrimarkaw kif l-istituzzjonijiet f'pajjiżna jinsabu kkontrollati mill-Gvern u l-Prim Ministru, bi tħassib fuq il-ġudikatura, bir-rapport jisħaq dwar l-appuntar ta' persuni b'konnessjonijiet qrib ħafna mal-Partit Laburista," insista Delia

"Id-deċiżjonijiet ħżiena li ħa l-Prim Ministru, fosthom li jżomm fil-karigi liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi, mhux biss qed jagħmlu ħsara lill-Gvern, iżda wkoll lir-reputazzjoni ta' Malta," jisħaq Delia. Itemm jgħid illi il-Partit Nazzjonalista, se jibqa' jaħdem sabiex jiddefendi lil Malta u jassigura li pajjiżna jerġa' jikseb ir-reputazzjoni tajba li kien igawdi fl-istituzzjonijiet kollha Ewropej u internazzjonali.

kap ta’ partit li lanqas jista’ jħaddem proċess demokratiku fi ħdanu ħareġ stqarrija jitkellem fuq demokrazija Partit Laburista

Int se titkellem fuq id-demokrazija? - Il-Partit Laburista lil Delia

Intant malajr waslet l-istqarrija tal-Partit Laburista (PL) li sostna illi l-Kap tal-Oppożizzjoni għadu ma fehemx li billi "jdoqq l-istess diska ta’ dawk li ma jriduhx fil-Partit Nazzjonalista xorta waħda mhu se jasal imkien. Hekk ilu jagħmel għal dawn l-aħħar sena u nofs u xorta waħda jridu juruh il-bieb ta’ barra. Ir-rapport li jirreferi għalih Adrian Delia huwa rapport, li għalkemm wieħed jieħu nota tiegħu, fih għadd ta’ fatti żbaljati dwar Malta u f’bosta partijiet huwa inkorrett u inġust," jgħid il-PL. 

"Huwa ironiku," ikompli l-PL, "li kap ta’ partit li lanqas jista’ jħaddem proċess demokratiku fi ħdanu ħareġ stqarrija jitkellem fuq demokrazija mhedda. Il-Maltin u l-Għawdxin il-verità jafuha. Jafu wkoll għaliex il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jitkellem hekk."

 

 

 

 

More in Politika