L-MEP David Casa se jifforma parti mit-tmexxija tal-Parlament Ewropew wara elezzjoni li saret dalgħodu fi Strasburgu, fejn ġie elett Quaestor tal-Parlament Ewropew. Quaestor huma dawk responsabbli mill-materji amministrattivi u finanzjarji li jikkonċernaw lill-MEPs u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
David Casa qal li jinsab onorat li ngħata il-fiduċja f’dan ir-rwol. "Din hi r-raba’ leġiżlatura tiegħi, u ninsab lest għal aktar responsabbiltà hekk kif se nkun qed nifforma parti mill-Bureau tal-Parlament. Din l-elezzjoni tfisser ukoll li minkejja l-fatt li ġejjin minn stat membru żgħir, il-Maltin jistgħu jingħataw pożizzjonijiet importanti fl-istituzzjonijiet Ewropej.”
Il-Quaestors jiġu eletti għal sentejn u nofs, u jkunu responsabbli ta’ aspetti differenti tal-amministrazzjoni tal-Parlament, fosthom il-komunikazzjoni.
David Casa se jifforma parti mill-Bureau tal-Parlament Ewropew flimkien mal-Presidenti u l-Viċi Presidenti. Din hi l-ogħla kariga tal-Parlament Ewropew li se jkun fiha MEP Malti.
Dan ir-rwol wasal wara numru ta’ rwoli importanti li kellu David Casa fil-leġiżlaturi li għaddew, fosthom Koordinatur tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali, kif ukoll negozjatur ewlieni tal-Parlament fuq waħda mill-aktar direttivi importanti li ġiet addottata ftit tax-xhur ilu: id-Direttiva tal-Work Life Balance. “Ninsab determinat li nkompli naħdem b’aktar enerġija biex inġib riżultati konkreti għaċ-ċittadini Maltin u Ewropej.”
L-MEP Casa rringrazzja lill-kollega MEP Roberta Metsola għall-appoġġ tagħha.