Sal-aħħar sena il-kuntratturi kollha jeħtieġ ikunu reġistrati jew ikollhom liċenzja biex ikunu jistgħu joperaw. Dan qalu l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg.
Hu ħabbar ukoll li l-kuntratturi se jkunu jistgħu jibew jirreġistraw minn nhar il-Erbgħa. Ir-reġistru se jinkludi d-dettalji tal-kuntratturi, bħall-esperjenza u teknoloġiji li użaw. "Sfortunatament, aħna qatt ma kellna reġistru li juri liema nies kapaċi jagħtu servizz fl-industirja tal-kostruzzjoni. Ir-reġistru se jkun, eventwalment, fil-forma ta' direttorju li jsir mill-Uffiċċju tar-Regolazzjoni tal-Bini, bil-kooperazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin."
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru tal-Infrastruttura, Borg qal li l-Gvern qed jaħdem fuq leġiżlazzjoni li se tinforza l-liċenzjar tal-kuntratturi. "Din mhix it-tmiem tar-riforma imma b'reġistru nistgħu nassiguraw li l-industrija tal-kostruzzjoni tkun taħt xi forma ta' regolarizzazzjoni."
Il-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Lenicker qalet illi dan il-pass huwa wieħed pożittiv għall-industrija.
"Dan huwa pass importanti għax għal snin kellna sitwazzjoni insostenibbli fejn il-periti kienu regolati, imma l-kuntratturi le. Dan huwa pass wieħed biss għal din l-indistrija biex tidħol fis-seklu 21," sostniet Vella Lenicker.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti ddeskriva lill-Ministru Ian Borg bħala politiku li jwettaq u qal illi fl-aħħar u wara ħafna diskussjoni, l-gvern qed jimplimenta.