F' Milan tlaqqgħet l-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran (PAM) f'konferenza organizzata fil-Borsa Italiana bit-tema ta' kif il-pajjiżi tal-Meditteran jistgħu jkomplu jgħinu lin-negozji u start ups jaċċessaw kapital biex jikbru huma u b'hekk nirreġistraw tkabbir ekonomiku fil-Mediterran.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia, li hu wkoll il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija fil-PAM kien wieħed mill-kelliema mistiedna biex jindirizzaw lil dawk prezenti. Farrugia tkellem dwar l-irwol tal-Bank Malti għall-iżvilupp li primarjament qiegħed jindirizza l-vojt li kien hemm fis-sistema bankarja, jew aħjar, market failures filwaqt li jgħin b'finanzjament b’rati vantaġġjużi lill-kumpaniji żgħar u medji li ħafna drabi ikollhom diffikultà biex jissellfu kummerċjalment minħabba l-garanzji mitluba mill-banek.
Aaron Farrugia ta ezempji tanġibbli ta' kif is-Segretarjat Parlamentari tiegħu qed jgħin lin-negozji żgħar u medji permezz ta' għotjiet bil-programm Business Enhance u permezz ta strumenti finanzjarji bil-programm SME Initiative, liema finazjament ġie mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u għajnuna finanzjarja mill-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) u l-Fond Ewropew għall-Investiment (EIF).
Fl-aħħar nett Farrugia ippromova lil Malta bħala hub għall-blockchain li kisbet it-titlu ta' blockchain island permezz ta' qafas regolatorju fejn kienet l-ewwel pajjiż li tagħmel dan bil-leġislazzjoni ta' abbozzi.
Fost il-kelliema kien hemm Rappreżentanti politiċi minn madwar il-Mediterran kollu, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda flimkien ma rappreżentanti mill-Bank Dinji, il-World Trade Organisation u l-Bank Ewropew għall-Iżvilupp u r-rikostruzzjoni EBRD.