L-Oppożizzjoni qed tisħaq li bl-insistenza tagħha, id-dilettanti u s-sidien taż-żwiemel, u l-isportivi tal-polo, se jkollhom kundizzjonijiet aħjar bil-ftehim milħuq fil-Parlament ilbieraħ.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li permezz tar-rappreżentanti tiegħu fuq il-Kumitat tal-Verifika, l-Oppożizzjoni rnexxielha tressaq u tassigura għadd ta’ proposti ġodda li ma kinux fil-kuntratt oriġinali kif imressaq oriġinarjament.
Fost oħrajn, dawn jinkludu proposti biex:
- L-operatur jkun legalment marbut li jinvesti bħala somma minima €24 miljun speċifikament fil-faċilitajiet sportivi tal-korsa tal-Marsa;
- L-ispeċifikazjonijiet u standards ta’ dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu determinati mill-Awtorità li se tiġi stabbilita mill-Gvern bħala regolatur;
- Ix-shareholders tal-operatur ma jistgħux jinbidlu fl-ewwel erba’ snin mingħajr il- kunsens tal-Gvern u dan sabiex jiġi assigurat illi l-ewwel irid jitlesta l-proġett;
- Il-prize money tar-rebbieħa tat-tiġrijiet taż-żwiemel għandhom jiżdiedu mill-inqas b’10% fl-ewwel sena u bi 3% fis-sena sussegwentament;
- Il-prezz tal-kitba tat-tiġrijiet taż-żwiemel m’ghandhiex tkun deċiżjoni f’idejn l-operatur privat iżda f’idejn l-Awtorità biex l-interessi tas-sidien taż-żwiemel li ma jiġux imgħobbija b’aktar spejjeż;
- Il-parkeġġ għandu jkun b’xejn għas-sewwieqa tal-karrijiet taż-żwiemel u s-sidien tagħhom;
- Ix-xogħol fuq il-korsa tal-Marsa m’ghandux idum iktar minn sitt xhur, idealment inqas, sabiex iż-żmien li fih iż-żwiemel idumu wieqfa jkun minimizzat kemm jista’ jkun;
- Titneħħa l-possibbiltà li jiġu introdotti tlielaq tal-klieb; u
- Jintlaħaq ftehim mal-Malta Polo Club qabel u mhux wara il-kuntratt.
Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li wara li l-proġett kien milħuq u aċċettat mill-imsieħba sportivi fil-Marsa, u wara li ġew aċċettati numru ta’ kundizzjonijiet magħmula mill-Oppożizzjoni sabiex isaħħu l-kuntratt u jagħtu aktar protezzjoni lill-element sportiv fuq dak kummerċjali, il-Grupp Parlamentari qabel li jivvota favur dan il-proġett.