Quddiem sala mimlija Kunsilliera lkoll iċapċpu u jgħajtu ‘Delia, Delia’ l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni sostna li llum mhix ġurnata illi matulha se ssir deċiżjoni favur jew kontra Adrian Delia, imma deċiżjoni favur il-PN u favur l-għaqda.
L-għaqda fil-fatt kienet parti integrali mid-diskors ta’ Delia li għal bosta drabi fakkar illi s-sena d-dieħla l-Partit Nazzjonalista se jagħlaq 140 sena mit-twaqqif tiegħu. Ħabbar li minn għada stess se jibdew diskussjonijiet u laqgħat ma’ kulħadd “biex il-PN ma jibqax il-partit tal-ftit, imma tal-ħafna.”
Il-Kunsilliera llum qed jivvutaw biex jiddeċiedu jekk iridux lil Delia jibqa' jmexxi lill-Partit Nazzjonalista wara li numru ta' Kunsilliera ressqu petizzjoni li titlob lil Delia jġorr responsabilità.
Interessanti li fil-folla ma dehrux l-MEPs tal-PN u lanqas ħafna mid-Deputati, għajr Carm Mifsud Bonnici, Robert Cutajar, Clyde Puli u Robert Arrigo u Edwin Vassallo.
Dan ma waqqafx lil dawk preżenti milli jċapċpu kontinwament waqt id-diskorsi ta’ Delia kif ukoll tal-Kunsillier Karkariż Justin Schembri u juru diżapprovazzjoni waqt id-diskors tal-membru tal-Eżekuttiv Ivan Bartolo.
“M’inix se nkun intimidat. Jiena lest li naħfer lil kulħadd imma r-rieda tiegħi tissoda aktar meta tkun attakkata l-familja tiegħi,” saħaq f’referenza għal diversi artikli u filmati fl-aħħar xhur.
Huwa qal li l-PN għandu umiltà biżżejjed li qed jiddiskuti u li se jiddeċiedi.
Huwa ddeskriva l-kampanja tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista bħala ‘l-isbaħ’ erba’ xhur ta’ ħajtu. “U meta ltqajt man-nies kien hemm ħafna uġigħ. “