'Naqsu l-karozzi mhux is-siġar'; Madwar 1,000 persuna jipprotestaw fis-Saqqajja
Id-dimostrazzjoni saret wara l-approvazzjoni tal-proġett Central Link
More in Politika
Id-dimostrazzjoni saret wara l-approvazzjoni tal-proġett Central Link
Madwar elf persuna nġabru f’Ħ’Attard ilbieraħ biex jipprotestaw kontra l-proġett ta’ Central Link Project, it-tneħħija tas-siġar miż-żona u l-użu ta’ art agrikola biex jitwessgħu t-toroq.
Is-siġar mifruxa fuq iż-żewġ naħat tat-triq, mill-għolja tas-Saqqajja sal-uffiċini tal-MFSA fl-Imrieħel, se jkunu qed jitneħħew biex jiżdiedu żewġ karreġġjati fuq naħa.
Id-dimostranti, ntefgħu għad-dell tas-siġar b’kartelluni dwar l-importanza tas-siġar għas-saħħa tal-bniedem, b’uħud minn dawk preżenti jintrabbtu wkoll mas-siġar.
“Jekk taħseb li l-ekonomija hija aktar importanti mill-ambjent, ipprova żomm in-nifs waqt li tgħodd flusek,” kien jgħid wieħed mill-kartelluni.
Il-protesta saret wara kampanja li bdiet l-istudenta ta’ 19-il sena, Sasha Vella, meta nediet paġna fuq Facebook: ‘For OUR Trees.’ F’inqas minn ħmistax, fuq il-paġna hemm madwar 10,000 persuna.
Intant, fi stqarrija maħruġa ilbieraħ waranofsinhar, il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura saħaq li mill-proġett se jkunu qed jibbenefikaw ir-residenti u l-familji.
L-istqarrija kienet tisħaq li l-ebda siġra mis-Saqqajja mhu se titneħħa u li fl-aħħar, meta jintemm l-proġett se jkun hemm 285 siġra aktar milli hemm bħalissa.