L-immigrazzjoni, l-akkomodazzjoni u l-ambjent huma l-aktar kwistjonijiet li qed iħassbu lil Maltin skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru.
L-immigrazzjoni baqgħet fuq nett tal-lista, b’49% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ jisħqu li din hija l-aktar kwistjoni li tħassibhom.
43% semmew l-akkomodazzjoni u 33% l-ambjent.
Meta wieħed iqabbel dawn l-aħħar ċifri mal-istess stħarriġ ippubblikat f’Novembri li għadda, jinduna li l-akkomodazzjoni u l-ambjent qed iħassbu ħafna aktar lil Maltin.
Fil-fatt, sa Novembru li għadda, 29% kienet semmew il-kwistjoni tal-akkomodazzjoni, filwaqt li 28% għażlu l-ambjent.
Il-Maltin jafdaw aktar lill-UE milli lill-Parlament Malti
L-istħarriġ staqsa wkoll dwar il-fiduċja tal-Maltin fil-Gvern Malti.
Mill-aħħar stħarriġ ‘l hawn, il-fiduċja fil-Gvern naqset b’5% biex minn 63% niżlet għal 58%
Interessanti kif mill-Maltin li ħadu sehem, 56% wieġbu li jafdaw lill-Unjoni Ewropea, filwaqt li 53% urew fiduċja fil-Parlament Malti.
Il-maġġoranza tal-Maltin iwieġbu li jinsabu f’sitwazzjoni finanzjarja tajba
Skont l-Ewrobarometru, 86% tal-Maltin li wieġbu l-istħarriġ saħqu li l-familja tagħhom tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja tajba
9% wieġbu bil-kontra filwaqt li 5% ma kinux ċerti.