Analiżi | Is-sajf u mhu jiġri xejn! Insomma mhux xejn ...
Staġun xott, mill-ilma u mill-istejjer. Imma f’dawn l-aħħar ġimgħat xorta rnexxielna nsibu biżżejjed kontroversji...
minn Albert Gauci Cunningham
Is-sajf huwa ġeneralment staġun kwiet ħafna f’dak li għandu x’jaqsam m’aħbarijiet ħlief għal xi eċċezzjonijiet, bħas-sajf tal-2017 meta kellna l-ġirja għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, jew inkella dak tal-1998 meta Gvern Laburista kien jinsab f’nofs kriżi politika li ratu jaqa’ mill-Gvern.
Dan is-sajf, minkejja li kien xott mhux biss mill-ilma imma wkoll mill-avvenimenti / kwistjonijiet li seħħew, ma ħalliniex b’xejn. Mill-bandiera ta’ Malta u l-vot ta’ fiduċja f’Adrian Delia, għat-tfigħ ta’ bajd u qtugħ ta’ siġar.
Il-Bandiera ta’ Malta bil-kuluri tal-qawsalla
Fl-aħħar ġimgħat qamet kwistjoni ‘ħelwa’ li kien hemm min ħadha b’offiża u b’serjetà kbira. Bħala simboliżmu, xi ħaġa li fil-fatt saret f’pajjiżi oħrajn bħall-Istati Uniti u l-Kanada, parti mill-bandiera Maltija ngħatat il-kuluri tal-qawsalla li hija sinonima mal-komunità LGBTIQ.
Din kienet interpretata bħala pass esaġerat u żebliħ tal-bandiera, simbolu importanti nazzjonali.
Fid-diskussjoni u l-kor tad-diżapprovazzjoni daħal id-Deputat Konservattiv Nazzjonalist u Mosti Edwin Vassallo, li qal illi minoranza qed tieħu kontroll tal-maġġoranza. Mhux ċar jekk hux qed jirreferi għall-omosesswali, li skontu qed jieħdu kontroll tal-eterosesswali, f’liema każ qed jgħid ċuċata kbira jew inkella hux qed jirreferi għal-lobby group li jirrappreżenta lill-komunità LGBTIQ, f’liema każ xorta hemm bżonn li jispjega kif parti qed tieħu kontroll ta’ oħra.
Bla dubju dan kien xi ftit ta’ bidu iebes għall-Ministru l-ġdid Edward Zammit Lewis, li kellu jirrikonċilja l-bilanċ bejn min kien ġenwinament imħasseb dwar din l-inizjattiva u min fil-fatt ġie bl-idea.
Forsi fil-ħeġġa biex jinża’ minn fuqu l-perċezzjoni li mhuwiex il-persuna denja għall-Ministeru bil-portafoll tal-ugwaljanza, Zammit Lewis nesa li dawn it-tip ta’ inizjattivi huma bħal xafra li taqta’ miż-żewġ naħat u ferm sensittivi. Bejn min jemmen li dawn iżidu d-doża tal-ugwaljanza u min (anke persuni LGBTIQ) li jemmnu illi dawn huma esaġerazzjonijiet li m’hemmx bżonn isiru.
Il-proġett li qajjem għagħa u rabja fost l-ambjentalisti
Matul dan is-sajf assistejna għal kwistjoni oħra ambjentali; il-qtugħ tas-siġar biex ikunu jistgħu jitwessgħu t-toroq.
Peress li qed isiru bosta proġetti tat-toroq bħalissa, qed jidher illi l-qtugħ tas-siġar huwa mifrux u rampanti, xi ħaġa li qajmet rabja fost setturi ta’ nies li għandhom għal qalbhom l-ambjent.
Saret protesta kontra l-proġett Central Link li għaliha attendew numru sabiħ ta’ nies u li fiha bosta ntrabtu mas-siġar bħala sinjal ta’ protesta.
Iżda daqskemm hemm min ipprotesta, daqstant ieħor hemm min jaqbel mal-proġett. Fil-fatt sondaġġ xjentifiku li kien ippubblikat min din il-gazzetta juri kif 51.6% jaqblu mal-proġett, filwaqt li huma biss mad-19% li ma jaqblux .
Ħafna minn dawk li huma favur il-proġett jisħqu illi: 1) il-proġett ilu biex isir snin twal u baqa’ ma sarx, 2) il-proġett kif se jsir illum huwa iżgħar u allura ħafna mill-art se tkun salvata u 3) se jitħawlu siġar biżżejjed biex jikkumpensaw u aktar minn hekk. Dan apparti li Infrastructure Malta tfakkar illi s-siġar fuq medda twila ta’ triq mhumiex se jinqalgħu, inkluż tat-telgħa tas-saqajja.
Naturalment il-kwistjoni ħadet sfumatura politika, bil-Ministru Ian Borg taħt pressjoni biex iwieġeb mistoqsijiet u jispjega.
Jidher li għalissa l-kwistjoni mietet xi ftit, għall-inqas sakemm jibdew jinqalgħu s-siġar.
U l-Prim Ministru għandu tattoo!
Kwistjoni oħra li qamet matul dan is-sajf kienet dik dwar it-tattoo tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Mill-ġdid din qajmet kjass minn uħud li ħassew illi mhuwiex sew u denju li Prim Ministru jkollu tattoo. Mhux hekk biss. Storja ta’ Manuel Delia fuq il-blogg tiegħu allegat illi l-kelma Invictus, hija mod kif permezz tagħha Muscat jiftaħar bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-argument sar b’referenza għal ktieb dwar il-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia, ippubblikat sentejn ilu u li jismu Invicta – li tfisser rebbieħa – u bħal donnu biex jinki, Muscat għamel tattoo bil-kelma Invictus, li tfisser rebbieħ.
Bosta raw din l-istorja bħala kospirazzjoni esaġerata. Bosta oħrajn saħqu illi m’hemm assolutament xejn ħażin f’li l-PM jagħmel tatoo u li dan kien kollu djuq żejjed.
Delia jirbaħ, imma...
Dan is-sajf kompliet id-drama fil-Partit Nazzjonlista, bil-Kunsill Ġenerali jitlaqqa’ biex isir vot dwar Adrian Delia u jekk dan għandux jibqa’ kap sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Kif mistenni Delia rebaħ dan il-vot u allura ngħata d-dritt demokratiku li jmexxi sal-elezzjoni li jmiss. Minkejja dan, b’riżultat ta’ 67.7% favurih u 32.3% kontrih xorta baqa’ bieb miftuħ biex min ma jridux, jiġġieled kontrih.
Dan is-sajf allura, minkejja li saħħaħ lil Delia fi ħdan il-partit m’għen xejn biex ikunu msaħħin il-pontijiet tal-PN mal-poplu. Anzi, ħafna Nazzjonalisti ħassewhom iktar aljenati mill-partit wara deċiżjoni li jemmnu illi ma tirrappreżentax l-aħjar interessi tal-partit.
L-aħħar ħaġa li jonqsu l-PN huwa li jkompli jara l-appoġġ li hemm għalih jitnaqqar b’nies li fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew forsi vvutaw lil David Casa jew Roberta Metsola imma li f’elezzjoni ġenerali ma jkunux lesti jivvutaw lill-PN b’Delia bħala kap.
Tfigħ ta’ bajd ... sew jew le?
L-aktar kwistjoni riċenti – u nistgħu ngħidu l-aktar taħraq dan is-sajf sa issa – hija dik tat-tfigħ ta’ bajd fuq mara li hija stripper waqt bachelor’s party.
Filmat li nxtered ta’ grupp ta’ rġiel, u anke tfal, igaraw il-bajd fuq din il-mara u l-għarus qajmu argumenti sħaħ dwar jekk il-ħaġa hix moralment korretta jew le; dwar jekk dak li kien qed jiġri kienx qed iwaqqa’ għaż-żufjett persuna u jekk għandux isir.
Fil-verità, L-Amerikana ilha magħrufa li tattendi parties illi matulhom tinża’ u tpoġġi lill-irġiel f’sitwazzjonijiet antipatiċi, biex nużaw lingwaġġ diplomatiku.
L-Amerikana tkellmet u qatgħet l-għatx bil-perżut ta’ kull min qed jiddefendiha. Prattikament sostniet illi kellha kull dritt tagħmel li kienet qed tagħmel u li ma kien hemm ebda forma ta’ abbuż. “Tistgħu tbusuhuli...” qalet L-Amerikana.
Storja fuq The Times of Malta żvelat kif il-mara kienet meqjusa mill-awtoritajet bħala waħda vulnerabbli.
Interessanti kif minkejja li l-attenzjoni kollha kienet fuq il-mara, dawk li kienu qed jixħtu l-bajd, ftit li xejn tkellmu fil-pubbliku.
Min jaf għalfejn?
L-immigranti ma waqfux ġejjin
Wara snin illi fihom kien jidher illi beda jmajna l-fenomenu tal-immigranti li bdew jaslu bid-dgħajjes, dan is-sajf in-numru reġa’ beda jikber.
Kważi kull ġimgħa kellna rapporti ta’ immigranti deħlin f’Malta jew inkella kwistjoni ta’ immigranti li nqabdu fil-baħar b’pajjiżna flimkien mal-Italja, Spanja u oħrajn jirrifjutaw li jdaħħlu l-immigranti.
L-akbar numru ta’ immigranti li daħlu f’ġurnata kien nhar il-5 ta’ Ġunju meta ddaħħlu f’pajjiżna 370 immigrant.
Sa din il-ġimgħa stess kellna rakkont xokkanti ta’ immigrant li ddaħħal Malta u li kien ilu fuq il-baħar għal 11-il jum.