'L-Awtorità tal-Ippjanar qed tħalli lill-kuntratturi jeqirdu lil Għawdex' - eks Deputat Laburista

L-eks Deputat Laburista Għawdxi Lino DeBono jiftaħ il-kanuni kontra l-Awtorità tal-Ippjanar u jgħid li dawk l-aktar b'saħħithom ħatfu lill-pajjiż

Lino DeBono, eks Deputat Laburista
Lino DeBono, eks Deputat Laburista

F'artiklu mill-aktar iebes fil-konfront tal-Awtorità tal-Ippjanar l-eks Deputat Laburista Lino Debono sostna illi l-klassifikazzjoni ta' Għawdex bħala żona rurali ġiet mogħtija l-ġenb mill-istess awtorità, li skontu "qed tħalli lill-kuntratturi jeqirdu, bħal Annibale f'Ruma, il-kultura, l-istorja u l-istil ta' ħajja tal-Għawdxin billi jippermettu l-bini ta' mostrożitajiet."

Filwaqt li jagħmel referenza, fl-artiklu tiegħu fuq The Times, għal binjiet li telgħin ix-Xlendi, blokok ta' appartamenti, jistaqsi rettorikament: "Għalfejn dawn il-permessi mostrużi qed joħorġu għal triq ta' 10 piedi f'Marsalforn? Meta toħroġ permessi l-Awtorità tal-Ippjanar ma tikkunsidrax il-madwar jew il-qalba tar-raħal. Minflok tiddeċiedi biss fuq dak li hemm fuq il-karta u fuq is-sottomissjonijiet tal-periti." 

DeBono jsemmi x-Xlendi u Marsalforn u jgħid li dawn, minn żewġ villaġġi tas-sajf, inbidlu f'ħolma kerha. "Enroachments kemm trid, bini għoli, ristoranti li jagħtu l-kont fuq biċċa karta, bankini mblukkati ... "

L-eks Deputat Laburista jgħid illi dawk li huma l-aktar b'saħħithom ħatfu lil pajjiż. "In-nies ġustifikati meta jistaqsu x'inhu jiġri mill-pajjiż." 

Filwaqt li fakkar li huwa jappoġġja lill-Partit Labrurista qal illi l-Gvern għandu jieħu azzjoni b'saħħitha, "biex ma jħallix il-klieb il-baħar u l-hyenas jaħtfu lill-pajjiż." 

"Il-progress huwa tajjeb, il-qerda le," qal DeBono li jipproponi illi jkun hemm Awtorità tal-Ippjanar separata għal Għawdex għax, skontu, daqs kemm jafu l-Għawdxin x'hemm bżonn f'Għawdex, ħadd ma jaf.

More in Politika