Filmat | ‘Qatt ma kelli ndħil politiku f’Xarabank… Kieku jkolli nwaqqfu’

L-ILLUM tiltaqa' ma' Peppi Azzopardi u tistaqsih dwar l-ambjent, Xarabank, Liam Debono, l-immigrazzjoni u aktar...

Peppi Azzopardi
Peppi Azzopardi

Maħbub minn ħafna, mibgħud minn oħrajn. Imfaħħar minn bosta, ikkritikat minn ħafna oħrajn. Żgur li mhux forsi li Joe Azzopardi magħruf aħjar bħala ‘Peppi’ huwa bniedem li naqqax ismu fl-istorja televiżiva u l-midja popolari Maltija, bil-programm tiegħu Xarabank issa dieħel fit-23 edizzjoni.

Madanakollu nistgħu ngħidu li Peppi sikwit jirċievi kritika qawwija minħabba l-programmi kontroversjali tiegħu. Uħud jgħidu li l-programm jaġevola lil min ikun hemm fil-Gvern, oħrajn jgħidu li jonqos mill-etika u oħrajn jgħidu li missu ilu li spiċċa u oħrajn jgħidu li hu programm medjokri u li fih ma ssirx diskussjoni kif għandha tkun.

Din il-ġimgħa l-ILLUM marret f’ras il-għajn u f’intervista bla kantunieri u mill-aktar skjetta, staqsiet lil Peppi fuq il-kritika li jiffaċċja Xarabank, il-każ Liam Debono u l-futur tal-programm.

‘L-elitisti ma jaħmlux li f’Xarabank jitkellmu n-nies’

Nibda din l-intervista b’mistoqsija diretta. Xarabank ilu għaddej 23 sena. Ma taħsibx li laħaq id-data ta’ skadenza tiegħu? Peppi jkun pront jisħaq, “jien dejjem għidt li nieqaf minn Xarabank meta n-nies ma jibqgħux jarawh. Minkejja li għaddew 22 sena n-nies baqgħu jsegwuna u għadna niġu l-ewwel jew it-tieni fl-istħarriġ televiżiv. Fuq l-internet b’saħħitna ħafna wkoll. L-aħħar żewġ stejjer li kellna fis-sajf kellhom ’il fuq minn 120,000 ‘hit’. Konvint li Xarabank ma skadiex għax il-ħin kollu jinbidel,” qal Azzopardi.

Ma’ din il-gazzetta Peppi jisħaq li mhux veru li l-programm dejjem jitratta l-istess suġġetti. “Mhux veru nagħmlu l-istess suġġetti, iżda ċertu programmi tant kemm jagħmlu impatt fuq in-nies li jibdew jaħsbu li ilna nagħmluhom. Eżempju jgħidu li għamilna ħafna programmi fuq il-każ ta’ Ġiġa, meta fil-verità kulm’għamilna hu tliet programmi,” qal il-preżentatur.

Nistaqsih jekk Xarabank mingħajr Peppi jibqax Xarabank. Huwa jirrispondi u jgħid, “Xarabank jgħaddi mingħajr Peppi imma ma jgħaddix mingħajr in-nies li jieħdu sehem fih għax huma n-nies li jagħmluh. L-elitisti ma jaħmlux li f’Xarabank jitkellmu n-nies li jgħaddu minn esperjenzi varji.”

Ngħidu li Malta full-up imma mbagħad, immaġina ġo nofs dik id-dgħajsa jqum immigrant u juri li għandu miljun ewro, kieku mill-ewwel jiġu ta’ Henley and Partners jgħabbuh fuq id-dgħajsa

Skontu l-elitisti riedu li jibqgħu jitkellmu biss l-esperti. “Xarabank jhedded lil dawn l-elitisti li kienu jħossuhom orakli,” sostna Azzopardi.

U Mark Lawrenze Zammit se jkun qiegħed jeħodlu postu? Fuq din Azzopardi jibda biex jgħid li, “importanti li tbiddel mhux biss is-suġġett iżda anke n-nies. Lil Mark il-ħin kollu ngħidlu biex inħeġġu iżda huwa jżomm lura, għandi fiduċja kbira f’Mark u fil-verità jista’ jkun aħjar minni,” qal il-preżentatur.

Apparti minn dan, mal-ILLUM huwa jistqarr li jixtieq li jagħmel proġetti oħra f’ħajtu u li fil-fatt bħalissa qiegħed jikteb dramm politiku li skontu fih ħafna intriċċi, dilemmi politiċi u ġurnalistiċi u li f’ċertu sens se jkun qed joħroġ l-aspett uman tal-politiċi.

‘Il-midja ddemonizzat lil Liam Debono’

Naqilbu daqsxejn id-diskors u nitkellmu dwar żewġ episodji partikolari li tefgħu lil Xarabank f’nofs kontroversja. Il-programm li fih ġew intervistati diversi priġunieri u l-intervista li qatt ma xxandret ma’ Liam Debono. Fid-dawl ta’ dawn nistaqsih jekk jaħsibx huwiex ġust li donnu Xarabank dejjem jieħu n-naħa tal-aggressur u mhux tal-vittma u jekk jaħseb li dawn il-każijiet għandhomx jibqgħu l-Qorti u mhux jispiċċaw diskussi waqt il-programm.

Huwa jirrispondi u jgħid, “Xarabank jagħti spazju lil kulħadd. Hekk twieled u hekk baqa’ jgħix. Xarabank huwa differenti għax jagħti poter lin-nies. F’dan il-każ kellna d-direttur tal-ħabs u quddiemu xi priġunieri li staqsew u ddiskutew miegħu. Jiġifieri għax qegħdin il-ħabs m’għandhomx dritt jitkellmu?” staqsa Azzopardi.

Żied jgħid li, “għal dawk li jgħidu li Xarabank ma jagħtix kas il-vittmi għamilna ħafna programmi mal-vittmi, saħansitra ġieli kellna l-Pulizija jieħdu t-telefonati tal-pubbliku f’xandira diretta fuq delitti mhux solvuti.”

Fuq il-każ ta’ Liam Debono, Azzopardi kellu kliem iebes għall-midja u d-deċiżjoni tal-Qorti li waqqfet l-intervista minħabba li l-każ kien sub judice.  Skontu Debono ġie ddemonizzat mill-midja u qal li spiċċa ħati minn qabel ma beda jinstema’ l-każ fil-Qorti.

“Liam Debono huwa vittma tal-kundizzjoni mentali tiegħu. Hi oxxenità li meta nqabad l-ewwel darba jsuq bla liċenzja, il-Qorti iddeferixxiet il-każ. Mhux talli hekk, tallli ngħata l-ħelsien mill-arrest u reġa’ nqabad isuq.”

Skont Azzopardi l-każ ta’ Liam Debono jixhed problema ċara fis-sistema ġudizzjarja tagħna. “Għandna sistema vendikattiva, moħħha biex nikkastigaw. Kien ikun aħjar kieku l-ewwel darba li nqabad isuq Liam Debono, sab tim ta’ persuni sabiex jgħinuh jifhem il-perikli u  joffrulu alternattivi bħal pereżempju; sewqan virtwali jew inkella kien imressaq biex jistudja l-mekkanika fl-MCAST. Kieku ġara hekk, Simon Schembri mhux se jibqa’ jbati konsegwenzi ta' wġigħ kbir fiżiku u emozzjonali,” saħaq Azzopardi.

Huwa kompla jgħid li l-każ ta’ Liam Debono jeħtieġ narawh mill-aspett wiesa’ tiegħu. “Debono trabba f’ċirkostanzi iebsin. Kellu l-problema tad-drogi fil-familja tiegħu, u jbati wkoll minn problemi ta’ saħħa mentali.”

Nagħmillu mistoqsija oħra. Liam Debono ngħata l-libertà proviżjora u reġa' nqabad isuq, dan ma taħsibx li hu rasu iebsa u li ma tgħallem xejn? Ma tbiddillekx l-opinjoni fuqu? Huwa jirrispondi u jgħid, “le ma biddlitlix l-opinjoni għaliex dak kellu jibqa’ ġewwa l-ewwel darba u jingħata l-għajnuna meħtieġa,” jgħid Peppi.

Fuq l-argument li ċertu każijiet għandhom jibqgħu fil-Qorti u mhux isiru programmi dwarhom, huwa qal li, “jekk dan huwa l-każ, kollox għandu jibqa’ fil-Qorti. Il-każ ta’ Liam Debono kulħadd iddiskutieh f’kull programm. Imbagħad għax konna se nagħmlu 20 minuta intervista aħna u li ma kellha xejn x’taqsam mal-proċeduri legali, ma tawniex permess.”

“M’għandniex nisimgħu n-naħa tiegħu?” Jistaqsi Peppi, “irridu noqogħdu attenti meta nużaw l-argument li l-każ qiegħed sub judice għaliex il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia wkoll jinsab sub judice.”

Apparti minn hekk, skontu, dan l-argument huwa perikoluż għaliex jista' jiġi applikat f’każijiet fejn ikun hemm xi ħadd fil-poter li qed jiġi investigat u jagħlaq ħalq il-midja b’dan l-argument legali.

Jipproponi ħabs b’forma ta’ sptar minflok ħabs ‘vendikattiv’

Mal-ILLUM Azzopardi jmur pass oltrè u jipproponi sistema oħra li skontu jekk tkun applikata tnaqqas ir-rati kriminali f’Malta. “Hi vendikazzjoni li l-priġunieri, f’din is-sħana kattiva, m’għandhomx aircondition. Hi sitwazzjoni insaportabbli li jagħlquk ġo kamra bla ebda tieqa jew bieb għal barra u jħalluk hemm 12-il siegħa bla nifs. Din qed tikkawża ħsara fiżika u mentali kbira lill-priġunieri,” qal Azzopardi.

Għalhekk huwa jipproponi li aggressur għandu mhux jiġi kkastigat iżda jmur ġo sptar fejn tim ta’ nies jgħinuh jfieq mill-marda soċjali tiegħu.

Mela hawn Malta jibnu, jgħollu u jħassru l-ambjent. Imbagħad it-tfal tagħhom jmorru bid-dgħajsa jsiefru u jaraw in-natura

“Noħdulek il-libertà iva, iżda f’dan l-isptar issib l-imħabba u titgħallem tħobb lilek innifsek u taħfer lilek innifsek. Jekk jiġri hekk jonqsu ħafna u ħafna reati. Jiena qed nitkellem favur il-vittma meta nipproponi din is-sistema,” qal Azzopardi.

Fuq din hu jżid jgħid li, “ħafna nies jeħduha kontrija imma dan sakemm xi ħadd mill-familja tagħhom jispiċċa l-ħabs. Imbagħad kollha jiġu jkellmuni biex ngħinhom.”

‘Full-up għal min hu batut u mhux għal min hu sinjur’

Naqilbu d-diskors u nitkellmu fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Hekk kif f’dawn l-aħħar xhur din il-problema baqgħet tiddomina l-politika lokali u Ewropea. Bħala persuna sensittiv għar-realtajiet tal-immigranti suġġett li fil-fatt tkellem dwaru bosta drabi, nistaqsih jekk għandhomx raġun il-Maltin igergru fuq in-numru kbar ta’ immigranti li qed jidħlu Malta, pajjiż daqs naqra.

Huwa jkun pront jgħid, “hi oxxenità kbira li nħallu lil ħutna l-immigranti bejn sema u ilma jistennew il-mexxejja tal-Ewropa jilagħbu ċ-ċess bin-nies f’nofs ta’ baħar, li bil-mod qed isir ċimiterju.”

Azzopardi jqabbel u jgħid, “ngħidu li Malta full-up imma mbagħad, immaġina ġo nofs dik id-dgħajsa jqum immigrant u juri li għandu miljun ewro, kieku mill-ewwel jiġu ta’ Henley and Partners jgħabbuh fuq id-dgħajsa u f’kemm ilni ngħidlek jagħtuh iċ-ċittadinanza, lilu u lill-familja tiegħu kollha. Allura fit-tbatija għandhom ikunu l-flus li jiddeċiedu nilqgħuhomx jew le?” temm jistaqsi l-preżentatur.

Apparti minn dan, huwa jgħid li Malta m’għandhiex toqgħod tistenna r-reazzjonijiet ta’ stati membri oħra biex issalva u ddaħħal in-nies ġewwa pajjiżna. “Jekk inkun fuq bajja u nara persuna qed tegħreq, jien naqbeż għaliha biex insalvaha u mhux nistenna lill-oħrajn jaqbżu biex isalvawha.”

Fl-ambjent sejrin għall-aħjar jew għall-agħar?

Tema oħra li bilfors ridna niddiskutu waqt din l-intervista kienet l-ambjent hekk kif fid-90ijiet Peppi kien wieħed mill-fundaturi tal-moviment tal-Alternattiva Demokratika.

L-ILLUM staqsietu x’jaħseb fuq l-istat ambjentali f’Malta. Imxejna ’l quddiem jew sejrin għall-agħar? Huwa jisħaq li, “għandna problemi serji u jiddispjaċini għax l-aktar li jbatu huma t-tfal tal-ħaddiema li qatt ma siefru. Jien nemmen li dan għandu jkun servizz soċjali, imma dik hi kwistjoni oħra. Mela hawn Malta jibnu, jgħollu u jħassru l-ambjent. Imbagħad it-tfal tagħhom bil-flus li qed jagħmlu l-ġenituri, isiefru bl-ispeedboat u jaraw in-natura. L-oħrajn li ma jistgħux isiefru, joqogħdu hawnhekk iħarsu lejn il-bini,” saħaq Azzopardi.

Peppi mixtri?

Fi tmiem din l-intervista ħtaft l-opportunità biex nistaqsi lil Peppi fuq waħda mill-aktar kritika popolari fil-konfront tiegħu. Xarabank dejjem mexa mad-daqqa ta’ min hemm fil-Gvern? Taħt il-PN idoqq blu u issa aħmar? Mal-ILLUM huwa jagħmilha ċara, “li aħna jgħidu li mħallsin mill-istat meta fil-verità aħna nixtru l-‘airtime’. M’għandna obbligazzjoni lejn ħadd, l-unika obbligazzjoni hi lejn in-nies.”

Xarabank jhedded lil dawn l-elitisti li kienu jħossuhom orakli

Apparti minn dan huwa jagħmlilna stedina u jgħid, “mur ara Xarabank ta’ żmien il-PN u żmien il-PL dejjem għamilna l-programm kif hemm bżonn. U jien nagħmilha ċara; il-PBS qatt ma ndaħal, qatt ma kelli ndħil politiku.

Però jekk ikolli, nagħmel konferenza stampa u ngħid li se nieqaf,” saħaq Peppi. Żied jgħid ukoll li Reno Bugeja qatt ma ndaħal iżda huma kontabbli lejh.

Finalment huwa reġa’ tenna, “aħna ħadd ma jindaħlilna, madankollu aħna kontabbli. Fi 23 sena l-Awtorità tax-Xandir qatt ma sabitna żbilanċjati. Qatt ma ġew nies ikissru lil oħrajn fuq il-programm u qatt ma kellna libell. Aħna rbaħna l-premjijiet kollha, u dejjem fl-ogħla post fl-istħarriġ televiżiv. Aħna l-programm li ta vuċi lin-nies,” temm jgħid Peppi Azzopardi.

More in Politika