Joqtol tiġrija u jżomm il-bieb miftuħ għalih. L-aħħar mossa ta’ Muscat
L-ILLUM żvelat x’qal Joseph Muscat f’laqgħa tal-Eżekuttiv Laburista. ‘Mhux se nitlaq, la issa u lanqas wara l-Baġit’. Imma għalfejn qalha din? X’għan ried jilħaq? U se jibqa’ sal-elezzjoni jew le? U x’inhuma l-konsegwenzi fuq il-partit?
minn Albert Gauci Cunningham
Il-ġimgħa li għaddiet l-gazzetta ILLUM kellha storja esklussiva dwar dak li qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat fl-aħħar laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista meta sostna hekk; ‘Mhux se nitlaq, la issa u lanqas wara l-Baġit.’
Illum se tanalizza xi tfisser eżatt din l-istqarrija u l-effett tagħha filwaqt li se terġa’ tagħti ħarsa lejn ix-xenarji politiċi li se jinħolqu meta Joseph Muscat jiddeċiedi li jitlaq.
Muscat mhux se jirtira ... x’se jagħmel jekk jitlaq?
Iċ-ċans ta’ Muscat li jkollu kariga ewlenija fl-istrutturi tal-Unjoni Ewropea m’għadux hemm. Ma kienx magħżul biex imexxi l-Kummissjoni Ewropea u lanqas f’waħda mill-karigi tal-istess istituzzjoni, fosthom l-irwol tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew li mid-dehra se jingħata lil Christine Lagarde.
Dan ifisser li għalissa l-ambizzjonijiet politiċi ta’ Muscat fl-Ewropa ħadu daqqa ’l isfel. Imma dan ma jfissirx li kollox mitmum għall-ambizzjonijiet ta’ Muscat barra minn Malta. Hemm opportunitajiet oħrajn, li qegħdin hemm diġà jew li jistgħu jqumu fiż-żmien li ġej, uħud minnhom ta’ prestiġju għoli li jaf jattiraw l-interess ta’ Muscat.
Hija improbabbilità kbira, li Muscat, politiku ambizzjuż u ta’ suċċessi elettorali li għadu żgħir fl-età, se jirtira u joqgħod bilqiegħda ma jagħmel xejn. Hija kważi karatteristika tal-politiċi illi wara li ma jibqgħux f’kariga li fiha għamlu suċċess jieħdu kariga ġdida jew jibqgħu politikament preżenti.
Dom Mintoff, pereżempju baqa’ omnipreżenti fil-Gvern kemm il-partit dam immexxi minn Karmenu Mifsud Bonnici pratikkament waqqa’ l-Gvern Laburista mmexxi minn Alfred Sant. Eddie Fenech Adami kien maħtur President.
Dan ifisser li lil hinn minn dak li ġenwinament jixtiequ ħafna Laburisti u dak li jixtiequ dawk li huma inqas ġenwini, il-mument tat-tluq ta’ Muscat huwa primarjament determinat mill-opportunità li tista’ tqum għal Muscat.
Imma la mhux se jitlaq għalfejn ħass li kellu jgħid dan fl-Eżekuttiv?
It-tron ta’ Prim Ministru, speċjalment wieħed ġeneralment maħbub fi żmien ta’ tkabbir ekonomiku qawwi b’partit li jinsab fl-aqwa tiegħu, huwa wieħed illi ħafna lesti jiġġieldu għalih.
U fil-fatt jinħass li għaddejja kampanja minn kull wieħed minn dawk li qed jissemmew għat-tmexxija tal-partit, imma b’mod speċjali dawk li huma ministri. Affarijiet u mossi li jistgħu jidhru bħala frivoli; pereżempju li kull fejn il-PL rebaħ lokalità (anke kieku kien Ħal Muxa) fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli, tara lil Konrad Mizzi fin-nofs (imbagħad ġie Ian Borg), jaqbeż, jiċċelebra u jifraħ lill-Kunsilliera.
Frivola? Le, mhix. Il-Laburist li kien qed jiċċelebra dakinhar jiftakar lil Mizzi se jiftakru jiċċelebra miegħu, jiftakar lil Mizzi jiċċelebra s-suċċessi tal-partit. Dan biex ma nsemmux il-kampanja personali #Gettingthingsdone ta’ Ian Borg li qed juża l-proġetti tat-toroq bħala l-pjattaforma biex juri li hu kapaċi jkun ħafna iktar minn Super-Ministru.
Għalissa l-ambizzjonijiet politiċi ta’ Muscat fl-Ewropa ħadu daqqa ’l isfel. Imma dan ma jfissirx li kollox mitmum għall-ambizzjonijiet ta’ Muscat barra minn Malta. Hemm opportunitajiet oħrajn
Imbagħad hemm Chris Fearne, intervistat fuq din il-gazzetta llum. Fearne huwa persuna stuża u politiku ambizzjuż ħafna, mhux xi sigriet allura li bena alleanzi ovvji ma’ numru ta’ gazzetti li jistgħu jinfluwenzaw l-opinjoni tal-votant Laburista li jkun mitlub jivvota f’elezzjoni għall-mexxej ġdid Laburista.
Kważi lanqas tgħaddi ġurnata li ma narawx lill-istess Fearne fuq quddiem tal-ġurnal l-orizzont. Din mhix kumbinazzjoni, imma b’mod ċar frott ta’ ħidma mill-qrib ma’ gazzetta popolari mal-għeruq Laburisti.
Miriam Dalli, min-naħa l-oħra, jidher li tilfet l-okkażjoni għalissa, okkażjoni li ppreżentat ruħha b’mod assolutament perfett wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, wara “l-glorja”, hekk kif saret l-aktar kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-PE li qatt kisbet voti. Il-fatt li hija inqas preżenti iżda hija, l-ewwel nett riżultat tal-fatt li ħidmietha huwa fi Brussell u bl-ebda mod ma jfisser li m’għadhiex interessata jew li m’għadhiex l-aktar ippreferuta.
Muscat ried joqtol din it-tiġrija mhux uffiċjali. U sa ċerta punt irnexxielu u sa ċerta punt le.
Qatel jew ma qatilx it-tiġrija?
Sa ċerta punt iva u sa ċerta punt le. Qatilha fis-sens li l-istorja tal-ILLUM, li mill-ħinijiet ta’ filgħodu bdiet tinxtered sew fuq il-midja soċjali, qajmet mill-ġdid forza ta’ partitarji li bdew jilqgħu din l-aħbar b’pożittività u jirrinforzaw il-ħsieb li Muscat se jibqa’ hemm biex iwassal lill-PL għal rebħa elettorali kbira oħra, forsi rebħa rekord oħra.
Dan is-sentiment jiskoraġġixxi kull forma ta’ kkampanjar għall-kariga ta’ Muscat u kważi jagħmel l-istess ikkampanjar deċiżjoni kontra r-rieda u direttament kontra Muscat innifsu.
Min-naħa l-oħra ma qatilhiex għaliex Muscat qal li ‘mhux se nitlaq, la issa u lanqas wara l-Baġit.’ Fil-verità l-Baġit għad fadallu ftit iktar minn xahar u sena oħra għall-Baġit ta’ wara. Ma tax garanzija li se jibqa’ sal-elezzjoni li jmiss.
Dan ifisser li Muscat, b’din il-mossa fl-Eżekuttiv Laburista li kixfet din il-gazzetta u l-istqarrija sussegwenti tiegħu fl-istess sens; qatel xi ftit minn din it-tiġrija mhux uffiċjali, imma fl-istess ħin żamm il-possibilitajiet tiegħu miftuħin. B’hekk it-titlu!
Imma għalfejn ma jaqbillux li tibqa’ għaddejja din it-tiġrija mhux uffiċjali?
Hija ovvja. L-ewwel nett din qed toħloq inċertezza mhux biss għall-partit imma anke għall-pajjiż, bħal donnu għandek Prim Ministru u m’għandekx għax taf li se jitlaq minn mument għall-ieħor.
Dan iġib fid-dubju l-immaġini ta’ mexxej indubitat, assolut u kważi meqjum tal-Partit Laburista li sar Muscat u f’daqqa waħda sezzjonijiet differenti tal-partit bdew jiġbdu l-ħbula differenti tal-kandidat ippreferut tagħhom.
Iktar kemm iddum għaddejja din it-tiġrija, iktar hemm ċans li l-Partit Laburista jerġa’ jibda riesaq lejn is-sitwazzjoni li fiha kien qabel ta’ fazzjonijiet u ġlied intern.
Min huwa ta’ Fearne kontra min huwa ta’ Mizzi u ta’ Mizzi kontra min hu ta’ Borg u ta’ Borg kontra min hu ta’ Dalli.
U l-partit jaqbillu li jitlaq Muscat? X’inhuma l-konsegwenzi ta’ dan?
Definittivament li le u żgur li l-konsegwenzi jistgħu jkunu kbar. Mhux xogħol din il-gazzetta li tagħmel eloġji, imma fil-verità Muscat qabad partit imkisser, b’partitarji diżillużi u li kien meqjus bħala wieħed tellief, għal partit rebbieħ u l-partit naturali fil-Gvern.
Dan għamlu billi żamm lil-Laburisti miegħu u magħhom żied eluf ta’ switchers, li llum kważi kważi tista’ ssejħilhom Laburisti, u magħhom żied uħud mill-akbar negozjanti u intraprendituri li dejjem kienu taw l-appoġġ lill-PN.
Iktar kemm iddum għaddejja din it-tiġrija, iktar hemm ċans li l-Partit Laburista jerġa’ jibda riesaq lejn is-sitwazzjoni li fiha kien qabel ta’ fazzjonijiet u ġlied intern
Din il-koalizzjoni għandha kollha waħda, jew inkella s’issa waħda li nistgħu ngħidu illi tat ir-riżultati u din hija Joseph Muscat.
Ladarba u fil-ġurnata li Muscat ma jibqax, dik il-kolla li twaħħad lil dawn l-interessi kollha differenti ma tibqax u jekk ma temminx ħares lejn il-PN.
Eddie Fenech Adami, politiku konservattiv u meqjus bħala viċin il-Knisja Kattolika kien irnexxielu jbiddel lill-PN f’wieħed ħafna eqreb lejn il-ħaddiem, ħafna inqas elitista u li permezz tal-viżjoni tas-sħubija ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea kien irnexxielu jgħaqqad taħt umbrella waħda; konservattivi u liberali, votanti tan-nofsinhar u dawk taċ-ċentru (Slimiżi, Ġiljaniżi, Swieqi ...), foqra u sinjuri, ħaddiem tal-id u ħaddiem tal-moħħ, reliġjużi u l-komunità LGBTIQ.
Dik il-kolla nħallet malli Fenech Adami ma baqax Kap tal-PN u minn hemm in-niżla ma setgħetx kienet aktar wieqfa, b’kull biċċa tal-PN tinħall u donnha titlaq għaliha.
Ladarba u fil-ġurnata li Muscat ma jibqax, dik il-kolla li twaħħad lil dawn l-interessi kollha differenti ma tibqax u jekk ma temminx ħares lejn il-PN
L-aħħar waħda u l-iktar ovvja hija l-qasma bejn in-Nazzjonalisti minn Tas-Sliema, is-Swieqi, Tal-Ibraġġ, ġeneralment min-naħa ta’ fuq tal-klassi tan-nofs u li titkellem bl-Ingliż kif ukoll li kienet issegwi lil Daphne Caruana Galizia, minn Nazzjonalisti tan-naħa ta’ isfel, ġeneralment min-naħa ta’ isfel tal-klassi tan-nofs, li tgħix fin-Nofsinhar u li ressqu lejn il-partit l-aktar grazzi għall-politika ta’ Eddie u l-avvenimenti tal-aħħar tas-snin 80.
Dak li qed jiġri llum fil-PN jista’ jiġri fil-bażi ta’ votanti Laburisti tal-lum, li bħalissa tinkludi firxa wiesgħa ħafna ta’ eks votanti Nazzjonalisti.
Min huwa l-aħjar biex imexxi ’l quddiem il-wirt politiku ta’ Muscat?
Din hija l-aktar mistoqsija kardinali li m’aħniex se nwieġbu. Huwa żgur li l-aqwa indikazzjoni ta’ min se jmexxi ’l quddiem lill-PL għal snin oħra ta’ suċċess se jkun min se jkun wara min u l-intenzjoni ta’ min hemm warajhom.
Mill-erbgħa li qed jissemmew hemm min hu kapaċi jwettaq (a doer), hemm min għandu balagalja politika naqra tqila, hemm min nafu ftit li xejn dwaru jew dwarha (forsi wisq ftit) u hemm min iġib l-innovazzjoni.
Hu x’inhu ħafna se jiddependi fuq min se jkun hemm wara l-kandidati u x’inhuma l-aspettattivi tagħhom.