L-Awtorità tal-Ippjanar kontra l-estensjoni tal-AUM f'Bormla
Id-deċiżjoni finali se tkun qiegħda ttieħed f'seduta separata.
More in Politika
Id-deċiżjoni finali se tkun qiegħda ttieħed f'seduta separata.
Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar għadu kif iddikjara li huwa kontra l-estensjoni tal-Università Amerikana fil-Baċir Numru Wieħed, f'Bormla
Madanakollu, ġaladarba l-applikazzjoni kienet ġiet approvata mill-uffiċjal inkarigat mill-każ, id-deċiżjoni finali se tkun qiegħeda ttieħed f’seduta oħra.
Tul iż-żmien illi għadda l-proġett għall-estensjoni tal-Università Amerikana fil-Baċir Numru 1 u anke il-propost dormitorju fi Triq San Pawl kienu ta’ tħassib serju għar-residenti tal-Kottonera. Tant hu hekk illi, t-Tlieta li għadda, għadd ta’ attivisti u residenti inġabru dalgħodu fil-Baċir Numru 1 f’Bormla biex jipprotestaw kontra l-proposta għall-estensjoni tal-Università Amerikana.
Intant, waqt is-seduta tal-lum, iċ-Ċerpersin tal-PA Vince Cassar esprima riżervi kbar dwar din l-estensjoni u l-bini quddiem il-fortizza ta’ San Mikiel u saħansitra l-propost dormitorju fi Triq San Pawl.
Clayton Bartolo f’isem il-Gvern saħaq li huwa inaċċettabbli li dan il-bini jgħatti il-fortizza storika ta’ San Mikil. “X’sens jagħmel li nagħttu bini storiku li biħsiebna nirrestawraw?, staqsa Bartolo.
Fl-istess waqt, ir-rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista Marthese Portelli sostniet illi dan il-proġett kien se jħalli impatt fuq il-tessut soċjali tal-lokalità u li ‘social impact assessment’ kellu jkun rekwiżit importanti fl-istadju tal-applikazzjoni.
Is-Sindku ta’ Bormla Alison Zammit Civelli wkoll iddikjarat li hi kontra l-proġett, filwaqt li l-Viċi Sindku tal-Isla, Anthony Bonavia għamilha ċara li l-Kunsill jinsab kontra dan il-proġett
Din il-gazzetta ilha żmien tirrapporta u ssemma leħen ir-residenti tal-Kottonera dwar dan il-proġett. Fost l-oħrajn mal-ILLUM, id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield kien ippropona post alternattiv għad-dormitorju tal-Università Amerikana ta’ Malta.
(Dan l-artiklu qed ikun aġġornat)