Intervista | ‘F’dari hemm il-bieb biex niddeċiedi jien min jidħol, l-istess pajjiżna’
Is-Sindku Laburista ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima jisħaq illi kieku l-lokalità tiegħu kellha sservi ta’ proġett pilota għall-integrazzjoni f’Malta, dan kien ikun falliment
minn Albert Gauci Cunningham
Jekk hawn lokalità li fiha tiġbor prattikament kull kwistjoni taħraq li ddiskutejtha fil-pajjiż fl-aħħar snin u xhur, żgur li hija San Pawl il-Baħar u li allura tiġbor fiha l-Qawra u Buġibba. Jekk hux turiżmu, problema ta’ skart, iffullar fit-trasport pubbliku, barranin, fish farms, kostruzzjoni, kaċċa u popolazzjoni dejjem tikber. Prattikament San Pawl il-Baħar hija l-aqwa test-case ta’ kull waħda minn dawn il-problemi u allura hija l-lokalità li fiha l-aħjar li nistgħu niddeċiedu jekk hux qed infallu jew nirnexxu.
F’ħafna minn dawn, ħafna nies jaħsbu li l-awtoritajiet qed ifallu. Imma s-Sindku l-ġdid ta’ din l-akbar lokalità ta’ Malta u l-akbar lokalità turistika x’jaħseb? Alfred Grima ilu fil-kariga biss tliet xhur u din il-gazzetta tiltaqa’ miegħu u tistaqsih dwar il-ħafna kwistjonijiet li qed jaffettwaw lil-lokalità u lil pajjiżna.
‘Kont naf għal xiex dieħel ...’
L-ewwel nett, issa li hu sindku, x’inhi l-ewwel impressjoni? Iħoss li forsi din il-biċċa xogħol hija bil-wisq akbar milli qatt seta’ basar?
“Le ma naħsibx,” jibda jgħid Grima. Jiena dejjem urejt interess fil-Kunsill u ili fil-Kunsill, allura kont naf għal xiex dieħel. Li forsi hemm differenti hija li qabel kienu jgħidulek ħaġa, meta tistaqsi, u llum qed ninduna li f’ċerti każi kien hemm affarijiet li ma sarux jew li mhux vera li ġraw kif qalulna,” qal Grima donnu jixtieq ikun kriptiku u ma jagħtix wisq dettall. Imma l-gazzetta tistaqsih.
Ejja ninfurzaw. Aħjar 10 liġijiet u ninfurzawhom milli 100 u ninfurzaw tlieta biss
Il-bank kien qed joħdilna €300 fix-xahar għax kellna ħafna flus fil-kont
Vera li l-Kunsill għandu €1 miljun imġemmgħin fil-bank u għalfejn mhux qed jintużaw dawn il-flus?
“Iva minnu li kien hemm miljun, u anke fuqhom.”
U x’ġara b’dawn il-flus kollha?
“Grazzi għall-ineffiċjenza u kieku ma ġbidtx l-attenzjoni jien, il-Kunsill kien se jibqa’ jitteħidlu €300 fix-xahar għax kellu ħafna flus fil-bank,” qal għas-sorpriża u xi ftit ta’ dubju minn din il-gazzetta.
Jiċċara illi hemm żewġ tipi ta’ fondi. Hemm il-fond UIF, flus li ġejjin biex jagħmlu tajjeb għal nuqqas ta’ parkeġġ għal karozzi fi żvilupp (pereżempju blokka apartamenti ta’ 12-il appartament li jkollha 5 garaxxijiet biss). Hu fakkar illi l-Kunsill ta’ San Pawl kellu €5 miljun f’dan il-fond.
Hawnhekk isemmi l-proġett tal-pitch tas-Sirens u filwaqt li jgħid illi tajjeb li dan qed isir sostna illi jagħmel ħafna iktar sens li dawn il-flus jinqasmu, mhux ikunu kkonċentrati f’żona jew inizjattiva waħda. “Għandna lokalità kbira u m’għandniex multi storey car park, m’għandniex bandli suret in-nies,” kompla jgħid Grima biex jiġġustifika l-argument tiegħu kontra konċentrament ta’ fondi. Fl-istess ħin ifakkar li dawk il-ħames miljuni diġà tnaqqsu b’€2.2 miljun.
Mandat ta’ sekwestru mdendel m’għonq il-Kunsill Lokali
Isemmi mbagħad kif fir-rigward tal-miljun li semmejtlu, jidher li għad fadal €700,000, għalkemm ifakkar li hu qed jikkontesta kont ta’ madwar €460,000 f’xogħol ta’ toroq, għax qal li l-Kunsill ma kienx ikkonsultat dwar l-għoti u l-proċess biex sar dan ix-xogħol.
Ifakkar illi apparti dan kollu l-Kunsill għandu mandat ta’ sekwestru kontrih ta’ ’l fuq minn €400,000, li jridu jitħallsu jekk il-kunsill jitlef l-appell. Dan il-mandat sar fuq inċident waqt party f’Ta’ Fra Ben snin ilu u li ħalla persuna mweġġa’ b’mod serju.
Biex juri li fil-fatt il-Kunsill Lokali diġà qed jagħmel differenza fl-ewwel ftit żmien, qal illi sar kuntratt ma’ kumpanija lokali tat-telefonija biex il-Kunsill ikollu aktar telefons, sabiex iktar persuni jkunu milħuqa.
‘Kellna biżibilju ilmenti fuq il-ħmieġ’
Ħafna persuni jħossu li mhux qed isir biżżejjed f’din l-akbar lokalità Maltija u f’ċentru turistiku. Hemm problema, xi drabi serja, ta’ ħmieġ, hemm żieda qawwija fil-popolazzjoni u allura iktar pressjoni fuq l-infrastruttura, attività qawwija ta’ kostruzzjoni u nuqqas ta’ ħeġġa u investiment qawwi mill-Gvern ċentrali
Nibdew bil-ħmieġ.
Kemm hi reali u x’se jsir b’din il-problema? “Ejja nħarsu minn fejn tlaqna,” jibda jirrispondi. “Kellna biżilbilju ilmenti fuq Facebook, fuq il-gazzetti, kullimkien. Aħna biddilna l-istratreġija u l-ilmenti naqsu fuq il-Facebook u anke mill-Kunsill.”
“Immedjatament, żidna l-kenniesa bit-tripplu, minn ħamsa għal 15,” jibda jgħid Grima. Bdejna naqtgħu ħaxix ma’ kullimkien u bdejna l-ħidma fuq 22 proposta, biex jitressqu u jsiru bye laws.
Fuq il-ħmieġ kellna biżilbilju ilmenti fuq Facebook, fuq il-gazzetti, kullimkien. Aħna biddilna l-istrateġija u l-ilmenti naqsu
Fost dawn il-proposti hemm dik illi permezz tagħha kull ħanut irid jipprovdi landa tal-iskart, filwaqt li ristoranti u ħwienet oħrajn tad-divertiment jeħtieġ jibdew ikollhom ash tray. Hu qal illi l-bye law li qiegħda tiġi ffurmata se tkun qed tobbliga lill-ħwienet tal-ikel biex joħorġu l-ikel fil-landa tal-iskart u mhux f’borża mal-art.
Semma l-problema tal-ħġieġ hekk kif il-bring-in sites tneħħew u allura dak li jkun m’għadux jista’ jaqbad u jieħu l-ħġieġ f’dawn il-kontenituri, imma jrid jistenna l-ġbir, li issa f’San Pawl qed isir darbtejn f’xahar minflok darba.
‘Ma jistax ikollna free for all ...’
Imma akbar mill-problema tal-iskart, għall-inqas fl-opinjoni ta’ bosta, huma l-barranin. Il-barranin u speċjalment il-kwistjoni tal-immigranti ilha tiddomina x-xenarju politiku lokali fl-aħħar snin. Imkien daqs din il-lokalità ma jidher dan il-fattur.
“Ma jistax ikollna libertinaġġ ...” jibda jispjega Grima. “Jien mhux razzist. Sal-ġimgħa l-oħra kont mistieden u mort attività tal-komunità Niġerjana hawnhekk stess. Ħadt gost u nnutajt is-serjetà u kemm qed jagħtu lura lis-soċjetà.”
Kollox sew u hekk hu. Imma n-nies fit-toroq u speċjalment fuq il-midja soċjali, mhux hekk qed jgħidu, tfakkru din il-gazzetta. Qed jgħidu li Buġibba spiċċat u li m’għadux sigur li tgħix hawn.
“Ma nħobbx nidentifika problema ma’ sezzjoni jew oħra. Imma li ndaħħlu l-barranin u qisna free for all ...” jgħid Grima.
“Jiena dejjem għidt li aħna għandna nkunu barra t-Trattat ta’ Shengen. Il-bieb tad-dar qiegħed hemm biex niddeċiedi jiena min jidħol u joħroġ, mhux ħadd ma jaf min dieħel u x’inhu dieħel.”
Grima ammetta illi jaf li l-Partit Laburista li hu jirrappreżenta ma jaqbilx mal-opinjoni tiegħu, imma jibqa’ jinsisti.
“Kemm-il persuna, insiru nafu wara ħafna snin, li kienu għamlu atti f’pajjiżhom? Skużi ta’, għalfejn m’għandix inserraħ rasi li nkun naf min dieħel f’pajjiżi?”
Grima iżda ma jiqafx hemm u jasserixxi li “jiena kontra mija fil-mija dawk li jiġu pajjiżna mingħajr dokumenti. Sewwa mela jekk jidħol xi ħadd bl-ajruplan b’dokument falz inwaqqfuh, imma min jidħol bla passaport indaħħluh.”
‘L-integrazzjoni ma rnexxietx’
Nistaqsih direttament: Kieku San Pawl il-Baħar kellha sservi ta’ proġett pilota għall-integrazzjoni f’pajjiżna, taħseb li dik l-integrazzjoni rnexxiet jew falliet?
“Onestament ma naħsibx li rnexxiet. Nemmen li meta barrani jmur f’pajjiż ieħor jeħtieġ isegwi l-liġijiet. Meta mort barra jiena hekk għamilt.”
Il-bieb tad-dar qiegħed hemm biex niddeċiedi jiena min jidħol u joħroġ, mhux ħadd ma jaf min dieħel u x’inhu dieħel
Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar jemmen illi l-pajjiż ma kienx lest għad-dħul ta’ tant immigranti f’qasir żmien. Jammetti li dan huwa primarjament ir-riżultat ta’ ekonomija li qed tikber b’mod mgħaġġel.
“Nistgħu nimxu ’l quddiem imma għandna bżonn l-infurzar. Inutli jkollok il-liġijiet jekk ma jkollokx l-infurzar,” jisħaq Grima.
‘Nippretendi li wasal iż-żmien għall-proġett ...’
Finalment nistaqsih dwar il-kostruzzjoni u anke l-infrastruttura. Ċerti żoni f’Buġibba taħsibhom qishom il-qamar; kollha trabijiet, krejnijiet u ħofor.
Hu jgħid li fuq it-toroq il-Gvern qed jinvesti, “però iva, nippretendi li wasal iż-żmien li jsir proġett li jixraq lil din l-akbar lokalità tal-pajjiż. Il-proġett tad-90ijiet,” qal f’referenza għal proġett li wettaq Gvern Laburista f’Buġibba, “ma kienx ta’ barra minn hawn, imma kien effettiv.”
Hu jgħid illi bħala Kunsill Lokali qed jevalwaw il-possibilità ta’ proġetti għal spazji rikreattivi ta’ tfal, li Grima jgħid illi l-lokalità tant għandha bżonn.
Dwar il-kostruzzjoni s-Sindku jinsisti li hemm bżonn ta’ aktar infurzar, speċjalment ukoll fejn ikun qed jittieħed spazju ta’ parkeġġ minħabba sit ta’ kostruzzjoni. Biex juri kemm fil-fatt mhux qed isir l-infurzar, Grima jisħaq li fl-ewwel sitt xhur tas-sena l-Kunsill ġabar €4 biss minn kuntratturi li jieħdu spazji ta’ parking, meta l-ħlas huwa ta’ €2.33 kull metru kwadru ta’ parkeġġ meħud.
“Ejja ninfurzaw. Aħjar 10 liġijiet u ninfurzawhom milli 100 u ninfurzaw tlieta biss.