Tul is-sena li għaddiet il-Gvern wettaq 74% tal-miżuri kollha li ġew imħabbra waqt il-Baġit għas-sena 2019.
Waqt konferenza stampa, Mario Cutajar Segretarju Permanenti Ewlieni spjega li din ir-rata hi ekwivalenti għar-rata ta’ implimentazzjoni li ġew irreġistrata fl-aħħar ħames snin.
Żied jgħid li mill-2013 sal-lum, il-Gvern Laburista wettaq mal-1,350 proposta tal-baġit.
"Qabel ma din l-amministrazzjoni, ma kienx isir dan l-eżerċizzju ta' kontabbiltà u għalhekk ma konniex inkunu nafu x’ġie implimentat. Dan l-eżerċizzju annwali qed jagħti kont pubbliku għal dak li twettaq mill-wegħdiet tal-baġit," sostna Cutajar.
Minn naħa tiegħu, l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li din ir-rata għolja ta’ implimentazzjoni hi waħda mill-affarijiet li hu jinsab tant kburi. “Urejna bidla fil-governanza, urejna l-kontabbiltà u dan b’differenza għall-amministrazzjonijiet ta’ qabel," sostna Scicluna.
Fl-aħħar nett il-Ministru qal li dawn l-eżerċizzji ta’ kontabbiltà qiegħed jagħti għeluq xieraq għall-baġit li jerġa' jixhed li ma jsirux biss wegħdiet.