Waqt li kienet qed titkellem f’forum taċ-ċittadinanza b’investiment, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli saħqet li, “l-aħbarijiet negattivi dwar il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment qiegħdin jikkanċellaw it-tajjeb kollu li qed iġib dan il-programm.”
“F’dawn l-aħħar ġimgħat il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment kien suġġett popolari fil-midja minħabba dikjarazzjonijiet li għamel aġent partikolari. Hi ħasra li dawn l-istejjer qed jgħattu l-benefiċċji li qed iġib dan il-programm.”
Żiedet tgħid li dan l-episodju għandu jkun ta lezzjoni għall-aġenti kollha
Fil-ġimgħat li għaddew il-programm Franċiż 'Enquête Exclusive', ippubblika programm dwar Malta fejn ġurnalist Franċiż mar fl-uffiċini ta' Chetcuti Cauchi biex jistaqsi dwar il-programm taċ-ċittadinanza Maltija. Ġurnalist, ippoża daqslikieku kien rappreżentant legali ta’ klijenti Afrikani li kienu interessati li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija. L-Avukat Malti jinstema’ jiftaħar fuq kemm għandu relazzjoni tajba mal-Prim Ministru Joseph Muscat, fosthom għax kien l-iskola miegħu. Jinstema’ jsemmi wkoll kif martu hija ħabiba tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza, Julia Farrugia Portelli.
Fid-diskors tagħha illum, is-Segretarju Parlamentari qalet li grazzi għal dan il-programm s’issa daħlu mal-€544 miljun fil-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali.
“Minn dawn il-€544 miljun s’issa intużaw aktar minn €90 miljun sabiex jiffinanzjaw proġetti soċjali inkluż dawk sabiex jgħinu familji vulnerabbli,” spjegat Farrugia Portelli.
Dan jinkludi miljuni f’investiment għall-aktar tagħmir mediku innovativ u rinovar estensiv f’diversi ċentri tal-kura tas-saħħa madwar Malta u Għawdex.
Barra minn dan, Farrugia Portelli spjegat kif dawk li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija għamlu aktar minn 625 donazzjoni lil għaqdiet volontarji li b’total ta’ € 4 miljun.