Ħarsa lejn dak li sar u li ma sarx mill-Baġit 2019
L-ILLUM tagħti ħarsa lejn uħud mill-aktar miżuri interessanti li saru s-sena l-oħra u telenka dawk li saru u dawk li għadhom ma sarux.
minn Liam Carter
Il-ġimgħa l-oħra waqt konferenza stampa, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar spjega kif din is-sena l-Gvern wettaq 74% mill-miżuri tal-Baġit 2019. Din ir-rata hi simili għar-rati ta’ implimentazzjoni li ġew irreġistrati fl-aħħar ħames snin, hekk kif dan l-eżerċizzju ta’ kontabbilità issa sar appuntament annwali. Fid-dawl ta’ dan, l-ILLUM tat ħarsa lejn il-miżuri tal-Baġit 2019 u elenkat uħud mill-aktar miżuri interessanti u relevanti li twettqu kif ukoll oħrajn li ma twettqux.
Miżuri taħt ir-responsabbilità tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Miżuri li twettqu
Tul din is-sena twaqqfet entità speċjalizzata għall-Fintech fi ħdan l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. Apparti minn hekk ġie ffirmat l-istatut ta’ Tech.mt u b’hekk ġiet imwaqqfa uffiċjalment il-fondazzjoni li tippromovi l-qasam ta’ ‘disruptive technologies.’ Miżura oħra li fil-fatt immaterjalizzat kienet dik li l-Gvern jattira kumpaniji tal-eSports.
Miżuri li ma twettqux
Miżura li s’issa għadha ma twettqitx hi dik li Identity Malta tibda testendi s-servizzi tagħha f’Għawdex.
In a separate box + Ministeru tas-Saħħa
Miżuri li twettqu
Din is-sena, il-Gvern investa f’makkinarju ġdid fil-Bank Nazzjonali tad-demm filwaqt li sar irrinovar estensiv f’diversi bereġ madwar Malta u Għawdex. Apparti minn hekk miżura interessanti li twettqet kienet dik li l-Gvern beda jilqa’ talbiet għall-mediċini ta’ mard rari li ma jkunux fuq il-formolarju tal-Gvern.
Miżuri li ma twettqux
Fost il-miżuri li ma twettqux insibu l-investiment fil-klinika tas-saħħa mentali fit-Tramuntana ta’ Malta, kif ukoll ċentru fil-komunità li jippermetti li pazjenti li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali, jibqgħu jgħixu fil-komunità. Jidher li l-Ministeru għadu qiegħed jidentifika l-binja u fl-istess waqt qed issir analiżi ta’ liem pazjenti jibqgħu jgħixu ġewwa Monte Carmeli u liem jistgħu jgħixu fil-komunità. Apparti minn dan, għadhom għaddejjin diskussjonijiet interni dwar reklutaġġ tar-riżorsi umani u sejħa għall-offerti għall-bini ta’ sptar ġdid fil-viċinanzi ta’ Mater Dei.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji Żgħar
Miżuri li twettqu
Matul din is-sena tkompliet ħidma tal-Gvern fuq il-liġi ġdida dwar il-kummerċ ħieles, bl-għan li jitwaqqfu żoni ġodda bħal tal-Freeport. Filwaqt li tkompla l-pjan ta’ azzjoni li jgħin lil start-ups jikbru permess tal-iskema Seed Investment.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol
Miżuri li twettqu
Fost il-miżuri li twettqu nsibu żieda fl-istipendji tal-istudenti, tneħħija tal-eżamijiet ta’ nofs is-sena, tneħħija tal-ħlas minn fuq l-eżamijiet tal-Matsec u tas-Sec u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Isport għall-għaxar snin li ġejjin.
Miżuri li ma twettqux
Miżura li ma twettqitx kienet dik li jiġi fformulat qafas ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità għax-xogħol tal-apprentistat li jiżgura li kull min jagħmel parti minn programmi ta’ taħriġ ikun lest biex jintegra ruħu fid-dinja tax-xogħol.
Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-ilma
Miżuri li twettqu
Tul is-sena li għaddiet tkompliet il-promozzjoni għall-enerġija rinnovabbli permess ta’ diversi skemi. Apparti minn dan tkomplew jingħataw inċentivi lil familji li qed jirrestawraw il-bir tad-dar tagħhom u għat-tibdil ta’ appliances lil dawk il-familji vulnerabbli.
Miżuri li ma twettqux
Il-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima għall-perjodu 2020-2030 sabiex jiġu identifikati numru ta’ azzjonijiet ħalli jintlaħqu l-miri Ewropej għadu f’stat ta’ diskussjoni.
Apparti minn din, il-miżura li tissaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku f’diversi ċentri fosthom Paceville u Marsaskala baqgħet ma saritx.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza.
Miżuri li twettqu
Fost il-miżuri li twettqu nsibu żieda ta’ €2.33 fil-ġimgħa u l-għotja ta’ ġurnata oħra frank lill-ħaddiema. Fuq nota simili, ġiet issupplementata l-paga minima nazzjonali li b’hekk impjegati b’paga minima jittellgħu minnha wara li jkunu ilhom sena fl-impjieg.
Ministeru għall-Finanzi
Miżuri li twettqu
Tkomplew jingħataw ir-rifużjoni ta’ taxxa u daħħlu fis-seħħ il-benefiċċji lill-membri tal-forzi tas-sigurtà f’każ ta’ inċident fatali jew diżabbilità. Apparti minn hekk familji li jibagħtu lit-tfal tagħhom fi skejjel privati ngħataw żieda fit-tnaqqis fit-taxxa.
Miżuri li ma twettqux
L-investiment f’X-Ray Van għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jidher li għadu ma sarx. L-istess għall-investiment għall-bini ta’ canine compound f’Ħal Far.
Ministeru Għat-Turiżmu
Miżuri li twettqu
Tul din is-sena komplew ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni f’diversi bajjiet madwar Għawdex u f’ċertu każi nħolqu jew ġew estiżi bajjiet ġodda. Sar ukoll investiment f’faċilitajiet ġodda fosthom f’changing rooms u showers.
Miżuri li ma twettqux
Fost il-miżuri li ma twettqux insibu l-programm ta’ tisbiħ ġewwa Paceville li skont l-aħħar aġġornament jidher li għadhom qed jiġu evalwati l-working drawings mill-perit inkarigat.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali
Sar investiment fl-immodernizzar tal-vetturi tal-korp filwaqt li ssaħħet aktar is-sigurtà fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin b’investiment f’body scanners.
Miżuri li ma twettqux
Jidher li l-miżura mwiegħda sabiex isir xogħol estensiv fit-titjib tal-Infrastruttura tat-Taqsima Forensika u xiri ta’ apparat aktar modern baqa' ma sarx. Attwalment il-Ministeru qiegħed jistenna l-apparat forensiku jasal Malta u fl-istess waqt, il-permess ta’ żvilupp.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali
Tul din is-sena dan il-Ministeru daħħal fis-seħħ diversi riformi importanti fil-Qrati fosthom l-aċċessibbilità għas-servizzi tal-Qrati u awtonomija amministrattiva. Fl-istess waqt għall-ewwel darba studenti setgħu jżuru mużewijiet ta’ Heritage Malta mingħajr ħlas. Ġie stabbilit ukoll qafas regolotarju għall-użu tal-kannabis fi skopijiet mediċinali.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima
Miżuri li ma twettqux
Fost il-miżuri li ma twettqux, insibu l-bini ta’ faċilità ġdida li tieħu post il-Material Recovery Facility li kienet inħarqet. Attwalment mistenni jingħata kuntratt lill-konsulenti tekniċi sabiex jippreparaw il-bażi ta’ disinn. Fl-istess waqt ix-xogħol fuq l-istrateġija nazzjonali għall-Ambjent baqa’ ma bediex.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali
Miżuri li twettqu
Tul din is-sena tkomplew jingħataw l-aħħar pagamenti ex gratia għal min kien irreġistra l-vettura tiegħu fl-2008. Tkompla wkoll ix-xogħol fuq it-toroq kollha tal-pajjiż, ingħatat it-talinja card għall-istudenti kollha irrispettivament mill-età tagħhom.
Miżuri li ma twettqux
Fost il-miżuri li ma twettqux insibu, xogħol f’postijiet ta’ landing tal-ferry li attwalment il-Ministeru għadu qiegħed jistudja l-pjanijiet minħabba l-elementi naturali.
Ministeru għall-Għawdex
Miżuri li twettqu
Bdiet tingħata allowance addizzjonali biex ittaffi l-piż tal-akkomodazzjoni f’Malta jew Għawdex.
Miżuri li twettqux
Jidher li l-Ministeru għal Għawdex għadu qed jiddiskuti l-possibbiltà li entitajiet ekkleżjastiċi joffru numru ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni għal studenti Għawdxin f’Malta.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali
Miżuri li twettqu
Fost il-miżuri li daħħlu fis-seħħ insibu, żieda fiċ-childrens allowance bi dħul gross anqas minn €20,000, għotja ta’ €300 lil dawk li għandhom 75 sena u għadhom jgħixu fid-djar. Komplew jingħataw ukoll ħlasijiet għal anomaliji li setgħu nħolqu tul is-snin u saret riforma fl-assistenza għal diżabbilità għal persuni li ma jistgħux jaħdmu aktar. Apparti minn hekk, daħlet fis-seħħ il-miżura li se tkun qed tgħin individwi ta’ ’l fuq minn 40 sena jsiru sidien ta’ darhom permezz ta’ sussidju.
Miżuri li ma twettqux
Id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin dwar skema li tagħti inċentiv fiskali lis-sid permess ta’ tnaqqis ta’ taxxa fuq il-bejgħ ta’ kirja affordabbli għall-perjodu ta’ seba’ snin.