'Ma nistax inġegħelhom jesebixxu l-Inkjesta Egrant' jgħid il-Prim Imħallef
Kompla jistema' l-każ li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex ikollu kopja tal-Inkjesta Egrant
More in Politika
Kompla jistema' l-każ li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex ikollu kopja tal-Inkjesta Egrant
Illum waqt seduta tal-Qorti Kostutizzjonali tliet imħallfin kellhom klieb iebes għall-avukat li qed jirrappreżenta lill-Ministri Chris Cardona, Edward Scicluna u Konrad Mizzi hekk kif jidher li f’applikazzjoni sottomessa fl-aħħar minuta, il-Ministri qalu li ma setgħux jixhdu fil-każ li fetaħ il l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Dan tal-aħħar qiegħed jitlob għal kopja tal-Inkjesta Egrant. Ta’ minn ifakkar li f’Mejju li għada l-Qorti Kostituzzjonali m’aċċettatx it-talba tiegħu. Il-Ministru kienu ġew ordnati jixhdu dwar kif biċċa mir-rapport Egrant spiċċat kkwotata fis-sottomissjonijiet tal-Qorti f’każ separat.
Fil-Qorti, il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, is-Sur Imħallef Giannino Caruana Demajo u s-Sur Imħallef Noel Cuschieri ċanfru lill-avukat Mifsud Bonniċi li qed jidher għall-Ministri ikonċernati.
"Kellek is-sajf kollu biex tippreżentah u ppreżentajt l-applikazzjoni fl-aħħar minuta. M'intix avukat li għadek kif tigradwa. Għandek ċertu esperjenza,” sostna l-Prim Imħallef Joseph Azzopardi.
Minn naħa tiegħu l-avukat argumenta li mhux sew li turi fil-Qorti dan id-dokument minħabba l-kontenut tiegħu. Mifsud Bonnici sostna wkoll li l-Ministri m’għandhom għalfejn jixhdu minħabba l-proċeduri kriminali u l-inkjesta li għaddejja.
Il-Prim Imħallef ssuġġerixxa li parti mill-inkjesta Egrant tkun imqabbla mas-sottomissjoni tal-Ministri, iżda l-avukat li qed jidher għall-Kap tal-Oppożizzjoni Vincent Galea ,kien pront biex jisħaq li, “jekk tgħidulna li għandkom kopja tal-inkjesta, il-każ ikun solvut.”
L-avukat Mifsud Bonniċi rrisponda u qal li jekk tiġi spjegata parti mill-inkjesta jinħoloq preċedent.
Iżda l-avukat Galea reġa’ saħaq, ”l-ewwel il-Prim Ministru qal li kienet biss l-AG li kellha kopja, imbagħad ħareġ li l-Ministru tal-Ġustizzja kellu kopja, imbagħad l-avukat Pawlu Lia, imbagħad Kurt Farrugia.”
Fl-aħħar nett il-Prim Imħallef qal li għal darb’oħra huwa ma rax raġuni biex il-Ministri jixhdu. Il-każ se jkompli fit-18 ta’ Novembru,filwaqt li digriet dwar it-talba tal-Ministru se joħroġ mis-sigrieta.
Reazzjoni Partit Nazzjonalista
Intant fi stqarrija, l-Partit Nazzjonalista qal li, "t-tlett Ministri tal-Gvern Laburista ma jridux li l-poplu jkun jaf il-verità dwar Egrant, ma jridux li r-rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja jiġi ppubblikat u għalhekk ressqu riskors sabiex iżommu l-informazzjoni mistura. Biex jaħbu l-verità dwar dan ir-rapport, it-tliet Ministri li huma qrib ħafna ta' Kastilja sabu l-barka tal-Avukat Ġenerali, li suppost qiegħed hemmhekk biex jiddefendi l-interess tal-poplu."
Skont il-PN, "dawn il-Ministri tal-Gvern bl-appoġġ tal-Avukat Ġenerali, jridu jaħarbu mill-verità u jridu li jżommu l-verità moħbija mill-poplu. Din hija sitwazzjoni surreali fejn il-Qorti Kostituzzjonali qegħda tordna Ministri biex jitilgħu jixhdu kif ikkwotaw biċċiet mir-rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja li ma kienux parti mill-konklużjonijiet, u minflok jgħidu l-verità jridu jevitaw li jixhdu."