'Erdogan terrorist.' Dawn kienu wħud mill-għajjat tal-folla li nġabret bi protesta quddiem l-Ambaxxa Turka fil-Furjana sabiex jikkundannaw l-aġir tal-Forzi Torok fir-reġjun ta' Rojava, fit-Tramuntana tas-Sirja.
Huma qed jappellaw lill-Gvern Malti sabiex flimkien mal-pajjiżi stati membri tal-Unjoni Ewropea jagħmlu dikjarazzjoni ċara kontra dan l-avvanz militari.
Il-protesta ta' dalgħodu kienet organizzata mill-Moviment Graffitti bl-attivisti tal-istess għaqda jgħidu li l-istat Tork qed iwettaq ġenoċidju fit-Tramunata tas-Sirja.
Kelliem għall-komunità Kurda f'pajjiżna qal li l-militari Tork kien qed joqtol it-tfal flimkien ma’ terroristi tal-ISIS.
"Ġejna hawn biex ngħidu ftit kliem bit-tama li l-gwerra tieqaf," qal l-istess kelliem.
Skont statistika internazzjonali, 112,850 persuna ċivili ġew maqtula fil-gwerra ċivili fis-Sirja bejn Marzu 2011 u Marzu 2019.