Baġit b’kuxjenza ambjentali? L-ILLUM tistħarreġ
Naturalment il-ġimgħa l-oħra kienet iddominata mill-Baġit li ta’ kull sena jvara numru ta’ miżuri indirizzati għal kull qasam
More in Politika
Naturalment il-ġimgħa l-oħra kienet iddominata mill-Baġit li ta’ kull sena jvara numru ta’ miżuri indirizzati għal kull qasam
Naturalment il-ġimgħa l-oħra kienet iddominata mill-Baġit li ta’ kull sena jvara numru ta’ miżuri indirizzati għal kull qasam. Din is-sena, spikkaw ukoll diversi miżuri b’kuxjenza ambjentali fosthom it-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali Ambjentali li se tkun qed tikseb ‘Carbon Neutrality’ sas-sena 2050.
Iżda lil hinn minn dan tħabbru diversi miżuri b’kuxjenza ambjentali li jolqtu l-ħajja ta’ kuljum. L-ILLUM tat ħarsa lejn id-diskors tal-Baġit u elenkat l-aktar miżuri interessanti.
Il-ġlieda kontra l-użu tal-plastik
Waħda mill-miżuri li spikkat kienet dik tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ plastik li jintuża darba biss; bħall-irpużati u l-platti. L-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti se tkun ipprojbita mis-sena 2021, filwaqt li l-bejgħ u d-distribuzzjoni ta’ dan it-tip ta’ plastik se jkunu pprojbiti mis-sena 2022.
Miżura oħra interessanti kienet dik tal-funtani tal-ilma fl-iskejjel. Din il-miżura, li mal-ewwel daqqa t’għajn taf tiġi interpretata bħala trivjali, ċertament li jekk imħaddma tajjeb se tgħin biex tnaqqas l-użu tal-fliexken tal-ilma li jintużaw darba biss.
Tħabbar ukoll li se tiġi introdotta skema fuq ġbir ta’ reċipjenti tax-xorb, li permezz ta’ magni installati madwar Malta se jagħtu lura €0.10 għal kull reċipjent irriċiklat.
Interessanti wkoll l-iskema ta’ għajnuna li tħabbret għall-ħwienet tal-merċa li qed jiġu mħajra jarmaw ‘green corners’. Dawn l-irkejjen se jkunu ddedikati għall-bejgħ ta’ prodotti tal-ikel bl-użin, bil-konsumaturi jieħdu r-reċipjenti tagħhom u b’hekk jitnaqqas l-użu tal-plastik.
It-trasport li jirrispetta l-ambjent
Fil-Baġit tħabbar li l-Gvern se jwaqqaf kummissjoni li se tirrakkomanda d-data finali sa meta l-vetturi li jiġu importati f’Malta ma jkunux iniġġsu. Ta’ min jinnota li dan ma jfissirx li min ikollu karozza taħdem bil-petrol jew diesel se jkollu jneħħiha.
Miżura oħra relatata kienet dik tar-rata speċjali għal individwi li jiċċarġjaw il-vetturi elettriċi fid-dar tagħhom. Dan issa se jsir permezz ta’ rata speċjali ta’ €0.1298 għal kull unit.
Skart u ndafa pubblika
Fil-Baġit tħabbar li se jkun qed jingħalaq l-impjant ta’ Sant Antin. Dan mistenni jsir wara li l-proċess tal-iskart organiku jkun laħaq is-suċċess tiegħu.
Se jkomplu jingħataw l-inċentivi għal dawk li jinvestu f’pannelli fotovoltajiċi, solar water heaters u heat pump water heaters.
Enerġija rinovabbli
Miżura li ta’ min jinnota f’dan il-Baġit kienet tal-grant ta’ 25% tan-nefqa kollha għal dawk li jixtru batterji li jaħżnu l-enerġija rinnovabbli. L-għotja tal-Gvern tlaħħaq il-massimu ta’ €1,000 u jeħtieġ li l-applikanti jkunu diġà installaw panelli solari u spiċċalhom il-kuntratt tal-feed-in-tariff.
Intqal li se jsir investiment ta’ €130 miljun fl-infrastruttura tal-ilma u investiment ieħor ta’ €30 miljun f’network ta’ riċiklaġġ tal-ilma.
Infrastruttura li tirrispetta l-ambjent b’installazzjoni ta’ panelli fotovoltajiċi f’żoni industrijali u pubbliċi.
Tħabbret ukoll it-tnedija ta’ programm li se jkun qed jiġġenera enerġija rinovabbli fi pjazez pubbliċi.