'Malti jew Afrikan min jikser il-liġi jitressaq il-Qorti' jisħaq Muscat

Muscat kien qed jirrispondi għad-diskors li l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel il-bieraħ fuq il-baġit.

F’diskors imqanqal fil-Parlament il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq fuq il-punt ‘kardinali’ li l-irvell ta’ din il-ġimgħa f’Ħal Far ma jintużax bħala arma li tamplifika l-vuċi tal-politika estrema f'pajjiżna. Fl-istess diskors hu għamilha ċara li kull persuna, irrispettivament għan-nazzjonalità tagħha li tikser il-liġi f'Malta se titressaq il-Qorti.

“L-inċident seħħ minħabba persuna li kienet xurbana u li ma tħallitx tidħol ġewwa ċ-Ċentru Miftuħ. Illum tressqu mal-100 persuna l-Qorti. Jiena ngħidha kif inhi, jista’ jkun iswed jew abjad f’din il-kwistjoni. Min ħaraq il-karozzi seta’ kien Malti minn Burmarrad bħali jew Afrikan mis-Sudan. Jekk tikser il-liġi se titressaq il-Qorti," qal il-PM

Muscat kien qed jirrispondi għad-diskors li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għamel il-bieraħ fuq il-baġit.

Huwa għamel referenza wkoll lejn il-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane f’April illi għadda f’Hal Far. 

“Ftit metri l-bogħod qatlu persuna, immigrant. Kulħadd sabat fuq sidru dakinhar, kulħadd kien ħabib tas-suwed iżda ilbieraħ kulħadd irid joqtol lis-suwed.”

Huwa appella wkoll għall-mezzi tax-xandir sabiex iħarsu fuq il-kummenti li jiktbu n-nies fuq l-istejjer ipubblikati onlajn.

Notevolment, fl-istess diskors Muscat momentarjament qaleb il-lingwa u għamel appell bl-Ingliż lill-barranin kollha. F’dan l-appell hu sostna li kull barrani huwa milqugħ f’Malta, però kulħadd għandu jsegwi r-regoli.”

Fuq l-istess kwistjoni huwa għamel mistoqsija miftuħa lill-Maltin u Għawdxin kollha. "Jekk ikollok persuna qed tegħreq x’tagħmel isalva jew le?," staqsa Muscat.

Din il-mistoqsija ġiet mfixkla mill-kummenti tan-naħa l-oħra li rrimarkaw fuq il-pożizzjoni li kien ħa Muscat ftit tas-snin ilu favur il-'pushback'. 

Fuq din hu kien pront biex jirrispondi, “diġà ammettejt li kien kumment ħażin. Iżda inthom x’tagħmlu? Irridu nibdew naħsbu x’ngħidu, ma nistgħux nibqgħu inrewwħu. Aħna mhux se noqgħodu nilgħabu logħba u nġelldu l-Maltin mal-Barranin, saħaq il-Prim Ministru.”

Baġit irriċilkat?

Waqt l-istess diskors Muscat għamel referenza għal diversi punti tal-baġit li tħabbar il-ġimgħa l-oħra u dwar il-kritika ta' Delia fid-diskors tiegħu tal-bieraħ. Huwa ikkritika lill-Kap tal-Oppożizzjoni talli skontu l-bieraħ ma qalx kelma waħda dwar il-baġit u li ddeskriva l-baġit bħala riċiklat.

“Ma nistax nifhem kif dan kien baġit riċiklat, jekk kellna riċetta ta’ suċċess għalfejn għandna nbidlu r-riċetta? Irriċklajna it-tielet baġit bla taxxi. Kull wieħed mill-baġit li għamilna ħallejna effett pożittiv fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin."

Juri appoġġ lejn il-ġudikatura.

Il-PM esprima l-appoġġ tiegħu lejn l-Avukat Ġenerali u l-ġudikatura kollha, wara li skontu ilbieraħ Delia ‘attakka’ lil ġudikatura. Apparti minn din il-kritika Muscat qal li Delia ma jistax jiġi fdat għaliex m’għandux kredibbiltà. “Delia qal ukoll li qed nieħu vantaġġ mill-Inkjesta Egrant. Nittama li qatt ma jkun fiż-żarbun tiegħu u ta’ familti. Ngħidlek jien x’ħadna minn dik il-gidba falza u fabbrikata li saret fil-konfront tagħna.”

Il-barranin u x-xogħol

Muscat tkellem ukoll dwar l-argument ekonomiku li jdur madwar l-immigrazzjoni. Punt li għamel aċċen għalih ilbieraħ ukoll Delia. Huwa qal li l-Kap tal-PN kien skorrett fl-argument tiegħu li l-Gvern qed jimporta l-barranin biex jkabbar l-ekonomija.

“Kieku din soluzzjoni, biex isolvi d-dejn li għandek fid-dar ċentrali idaħħal 1,000 persuna oħra taħdem miegħek.”

 

More in Politika