Għawdex iħares lejn l-ispazju ... osservatorju astronomiku fin-Nadur
Dan se jsir b'investiment ta' €160,000 wara ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Università ta’ Malta
More in Politika
Dan se jsir b'investiment ta' €160,000 wara ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Università ta’ Malta
Il-Ministeru għal Għawdex u l-Università ta’ Malta qed jinvestu €160,000 biex f’Għawdex jibda jopera osservatorju astronomiku.
Dan se jkun fil-ġnien Ta’ Isopu fin-Nadur.
Waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana saħqet li kif ix-xjenza tal-astronomija qed tikber fl-importanza tagħha, huwa daqstant ieħor l-importanza ta’ dan l-osservatorju biex Għawdex ikun fil-qalba tal-iżviluppi marbuta ma’ din ix-xjenza.
Caruana fakkret kif siti bħad-Dwejra, il-Fanal tal-Ġordan u issa wkoll Ta’ Sopu fin-Nadur qed jattiraw u ser ikomplu jattiraw nies madwar id-dinja kollha biex josservaw il-moviment stellari u fenomeni astronomiċi oħrajn.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella, irringrazzja lill-Ministru għal Għawdex li laqgħet it-talba tal-Università biex jiġi installat teleskopju sofistikat f’sit li ma jinkludix light pollution u li għadu kif ġie riabilitat.
L-astrofiżiċista Dr Joseph Caruana spjega kif dan il-proġett għandu tliet aspetti.
Teleskopju mgħammar b’apparat fotografiku speċjalizzat se jkun jista’ jintuża biex jikseb ritratti u tagħrif dwar diversi oġġetti fl-univers, minn dawk li huma relattivament qrib tagħna, bħalma huma asterojdi u pjaneti fis-sistema solari, għal kwiekeb u galassji mbiegħda.