F'dibattitu dwar it-tfittix u s-salvataġġ fir-reġjun tal-Mediterran fil-Parlament Ewropew, l-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba saħaq għal diskussjoni serja u tibdil fir-regolamenti Ewropew tal-ażil.
"Għandna bżonn nindirizzaw il-fatt li għandna nuqqas ta’ soluzzjonijiet Ewropej vijabbli u li nirrivedu l-pakkett Ewropew dwar l-ażil, għaliex bla dubju, ir-Regolament ta' Dublin huwa l-kawża ewlenija għal din is-sitwazzjoni," sostna l-Membru Parlamentari Ewropew.
Fl-intervent tiegħu il-MPE Laburista appella lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea biex jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji mill-aktar fis possibli, għal ġid ta’ kulħadd. "L-UE trid tqum u tindirizza din il-problema b'mod effettiv permezz tas-solidarjetà u permezz ta' soluzzjoni Ewropea komuni."
Żied jgħid li, “is-sitwazzjoni m’għadhiex vijabbli. Fuq naħa waħda, għandna immigranti maqbuda f’ibħra miftuħa għal jiem sħaħ u bosta nies, inklużi tfal u nisa, li qegħdin jitilfu ħajjithom fil-Mediterran. Fuq in-naħa l-oħra, għandna ċittadini Ewropej li qed iħossuhom urtati u fl-istess ħin inkwetati għal mod li bih l-Unjoni Ewropea qiegħda tonqos milli taġixxi.”
Il-MPE enfasizza wkoll li l-pajjiżi fil-fruntieri huma affettwati direttament mill-immigrazzjoni, u huma ferm aktar vulnerabbli għal inċidenti li seħħew matul tmiem il-ġimgħa li għadda fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, ġewwa Malta.
"Is-sitwazzjoni qed tkompli teskala u ma nistgħux nibqgħu ċassi u ninjoraw il-fatt li l-immigrazzjoni hija fost l-aktarpunti ta’ tħassib għaċ-ċittadini tagħna. Jekk nagħmlu hekk, nirriskjaw li jkollna żieda ta’ ideoloġiji estremisti, tixrid ta’ mibegħda u vjolenza," qal Agius Saliba.