Bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena żdiedu fit-toroq Maltin 6,680 vettura, biex sal-aħħar ta’ Settembru, fit-toroq Maltin kien hawn xejn inqas minn 394,955 vettura.
Dan jirriżulta mill-aħħar informazzjoni tal-Uffiċċju Nazjonali tal-Istatistika u li jfisser kif f’dawn it-tliet xhur, żdiedu 73 vettura kuljum fit-toroq.
L-istatistika turi wkoll kif 4,519 il-vettura li ħarġu fit-toroq Maltin fit-tielet kwart tas-sena kienu karozzi privati, filwaqt li 1,027 kienu muturi.
Minn dawn, 2,923 kienu vetturi ġodda filwaqt li 3,757 kienu second hand.
Matul l-istess perjodu, 7,051 vettura tneħħew mit-toroq, b’36% reġgħu tpoġġew għal bejgħ, 31.8% ġew iggaraxjati u 30.3% kienu skrepjati.
Apparti minn hekk, sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, 236,270 vettura jew 59.8% kienu jaħdmu bil-petrol, 153,368 (38.8%) bid-diesel filwaqt li 3,708 vettura (0.9%) kienu elettriċi jew hybrid.