Se jinbnew żewġ mini ġodda u flyover fil-junction tar-roundabout tal-Gudja
Ir-roundabout tal-Gudja tinsab f’salib it-toroq ma’ diversi toroq arterjali, li jinkludu Vjal l-Avjazzjoni u bosta oħrajn
minn Albert Gauci Cunningham
Infrastructure Malta se tibni żewġ mini ġodda u flyover fil-junction tar-roundabout tal-Gudja biex ittejjeb l-aċċess lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop, il-Gudja, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Malta Freeport.
Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) jinkludi l-iżvilupp mill-ġdid ta’ din il-junction, waħda mill-aktar ħoloq importanti tas-sistema tat-toroq Maltin, biex jonqsu l-ħin tal-ivvjaġġar u r-riskji t’aċċidenti għal dawk li jgħaddu mill-mini ta’ Ħal Kirkop biex jivvjaġġaw minn u lejn Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, ż-Żurrieq u Ħal Safi. Il-proġett se jtejjeb ukoll l-aċċess lejn l-Ajruport u r-rotta ewlenija għall-Freeport, żewġ destinazzjonijiet kruċjali għal diversi setturi tal-ekonomija.
Ir-roundabout tal-Gudja tinsab f’salib it-toroq ma’ diversi toroq arterjali, li jinkludu Vjal l-Avjazzjoni, minn u lejn Ħal Luqa, il-Marsa u Ħal Qormi, Triq Dawret il-Gudja, lejn il-Gudja u Ħal Għaxaq, Triq Ħal Far, minn u lejn Ħal Far, il-Freeport u Birżebbuġa, u Triq l-Ewwel Titjira li tgħaqqad ir-roundabout mal-mini ta’ Ħal Kirkop. Hemm ukoll Triq il-Karwija, li twassal għall-Ajruport.
Dan il-proġett se joħloq konnessjonijiet diretti, li se jkunu fi tliet livelli differenti, minn u lejn diversi rotot li jiltaqgħu f’din il-junction. Fil-livell ta’ taħt, iż-żewġ mini li se jinbnew taħt ir-roundabout se jgħaqqdu direttament il-karreġġjati tan-nofsinhar u tat-tramuntana ta’ Vjal l-Avjazzjoni ma’ dawk ta’ Triq Ħal Far. B’dawn il-mini, dawk li jivvjaġġaw minn u lejn Birżebbuġa, inkluż vetturi kbar, li jkunu sejrin l-Ajruport, il-Freeport jew il-Qasam Industrijali ta’ Ħal Far, ma jkollhomx għalfejn iduru mar-roundabout.
Fuq il-mini, ir-roundabout eżistenti se tkun iddisinjata u mibnija mill-ġdid biex tiffaċilita l-aċċess minn u lejn il-Gudja u Ħal Għaxaq. Se tiġi mtejba wkoll il-bypass lane li tħaffef l-ivvjaġġar fid-direzzjoni tat-tramuntana mill-ħruġ tal-mini ta’ Ħal Kirkop lejn Vjal l-Avjazzjoni.
Fit-tielet livell imbagħad, fuq ir-roundabout se jkun hemm flyover ġdida li sservi ta’ pont bejn il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Vjal l-Avjazzjoni u Triq l-Ewwel Titjira, fid-direzzjoni lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop. Għaldaqstant, jekk tkun trid tiġbed lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop biex tibqa’ sejjer Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, ż-Żurrieq jew Ħal Safi mhux se jkollok bżonn aktar li ddur mar-roundabout.
B’dan it-tibdil, tliet rotot li bħalissa jiltaqgħu u jaqsmu kontra xulxin mar-roundabout issa se jgħaddu mill-mini taħtha jew mill-flyover fuqha B’hekk Infrastructure Malta se tnaqqas ir-riskji t’aċċidenti u l-ħin tal-ivvjaġġar għal eluf ta’ persuni li ta’ kuljum jgħaddu minn din il-junction.
Permezz tal-KTAIP, Infrastructure Malta se żżid ukoll il-faċilitajiet għal mezzi alternattivi fl-ivvjaġġar. Fil-fatt, id-disinn ta’ dan il-proġett ġdid jinkludi bankini ġodda u titjib fil-faċilitajiet għat-trasport pubbliku. L-aġenzija se toħloq ukoll rotot ġodda u siguri għaċ-ċiklisti li se jikkumplimentaw il-korsija għar-roti li nfteħet is-sena l-oħra fi Vjal l-Avjazzjoni u l-pont għall-mixi u r-roti li l-aġenzija qed tibni bħalissa f’din l-istess arterja. Id-disinn ġdid tar-roundabout ukoll se jinkludi faċlitajiet aktar siguri għal dawk li jgħaddu minnha bil-mixi jew bir-rota.
Din il-ġimgħa Infrastructure Malta ppreżentat il-pjanti tal-proġett lill-Awtorità tal-Ippjanar, biex jiskatta l-proċess neċessarju għall-kunsiderazzjoni tal-permess. L-Awtorità se tippubblika dawn il-pjanti għal konsultazzjoni pubblika u aktar studji, fiż-żmien li ġej, fl-istadji li jmiss ta’ dan il-proċess. Sadattant, l-aġenzija daqt se toħroġ sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet li hemm bżonn biex issir din il-junction ġdida. Dan l-investiment jista’ jkun kofinanzjat mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea.
Il-proġett huwa skedat li jibda jiġi implimentat fl-2020, bħala parti mill-impenn kontinwu ta’ Infrastructure Malta biex ittejjeb is-sigurtà fis-sistema tat-toroq arterjali, tnaqqas il-ħin fl-ivvjaġġar u żżid is-sostenibilità. Din is-sena, l-aġenzija investiet €64 miljun f’aktar minn 14-il proġett ta’ titjib f’toroq arterjali. Dawn jinkludu l-ewwel flyovers tal-Marsa Junction Project, il-bini mill-ġdid ta’ Triq Buqana, Triq Tal-Balal, Triq Ħal Luqa, Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas, il-bini ta’ żewġ pontijiet għall-mixi u r-roti fi Blata l-Bajda u Vjal l-Avjazzjoni kif ukoll l-ewwel korsija għar-roti maqtugħa għaliha mill-karozzi, fi Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun.